Internazzjonali

Ir-Russja: Tiħrax il-gwerra bil-kliem mal-Litwanja u l-UE …Possibbiltà ta’ front tal-gwerra ġdida ‘il hinn mill-Ukrajna

L-Unjoni Ewropea u l-Litwanja qed jaħsbu li l-President Russu Vladimir Putin jista’ qed juża l-kwistjoni attwali dwar Kaliningrad – zona taħt il-kontroll ta’ Moska li ma taqsamx fruntiera mar-Russja – bħala skuża biex jeskala l-kriżi mal-Punent. Hemm ukoll il-potenzjal li Putin jipprova juża s-sitwazzjoni biex ‘jiġġustifika’ front tal-gwerra ġdida ‘il hinn mill-Ukrajna.

Intant ħraxet il-gwerra bil-kliem bejn Moska, Vilnius u Brussell wara li l-Litwanja ddeċidiet biex ma tippermettix it-trasport ta’ materjal minn artha lejn Kaliningrad. Is-sitwazzjoni, fl-istess ħin, irriżultat f’theddid kbir mir-Russja li ‘se ġġiegħel il-poplu Litwan isofri għal dan’ – bil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Moska jsejjaħ lill-Ambaxxatur tal-UE residenti biex iċanfru dwar iċ-ċirkustanzi.

Mhux eskluż li t-tilwima dwar Kaliningrad twassal għal ‘sitwazzjoni impossibbli’ bejn ir-Russja u l-UE. Dan wara li r-relazzjonijiet bilaterali diġà waslu fix-xifer mindu l-qawwiet Russi invadew lill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar.

Iz-zona ta’ Kaliningrad – li fiha daqs Wales – tinsab bejn il-Litwanja u l-Polonja ( it-tnejn membri tal-UE) u meta kull mezz tat-trasport mill-art irid jaqsam lejha minn dawn il-pajjiżi.

L-awtoritajiet Litwani qed jieħdu passi biex jillimitaw il-movimenti tal-ferroviji minn arthom lejn Kaliningrad bħala parti mis-sanzjonijiet tal-UE – u b’Moska takkuża lil dan il-pajjż b’aġir ostili ‘li qed jikser kull regola internazzjonali’.

Iżda l-Litwanja insistiet li qed timplimenta s-sanzjonijiet tal-UE għar-Russja u li bl-ebda mod mhi qed tieħu xi azzjoni unilaterali bi sfida għal Moska.

Il-Prim Ministru tal-Litwanja, Ingrida Simonyte, hi wkoll urtata għal-lingwaġġ aggressiv ta’ Moska u sostniet li ‘hi ħaġa ironika li pajjiż bħar-Russja li kiser kull trattat internazzjonali jista’ jattakka lil xi ħadd dwar l-allegat ksur tat-trattati’.

U l-Ministru Litwan għall-Affarijiet Barranin, Gabrielius Landbergis, qal li s-sitwazzjoni hi dovuta għas-sanzjonijiet ġodda tal-UE li ilhom jiġu implimentati mis-17 ta’ Ġunju. Dan il-Ministru anki kkundanna lir-Russja għal rapporti qarrieqa u ċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni li hi ferm ‘il bogħod mill-verità — filwaqt li tenna li ‘Moska għandha reputazzjoni għal dan it-tip ta’ aġir’.

Il-Kap tal-politika barranija tal-UE, Josep Borrell, ukoll iddefenda lil-Litwanja u sostna li ma hemm ‘l-ebda assedju’ fuq in-nies ta’ Kaliningrad peress li qed ikomplu l-movimenti tan-nies u l-prodotti li ma jaqgħux taħt is-sanzjonijiet tal-Unjoni.

Iz-zona ta’ Kaliningrad għandha popolazzjoni ta’ miljun ruħ u wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-eks Unjoni Sovjetika ( li r-Russja kienet tifforma parti minnha) ħatfet l-istess zona – li kienet magħrufa bħala Konigsberg — u keċċiet lill-popolazzjoni Ġermaniża mill-inħawi waqt li ħadulhom posthom il-mijiet taċ-ċittadini Sovjetiċi.