Futbol Sport

Lukaku lura ma’ Inter b’self għall-istaġun li ġej

(Ritratt: EPA)

Inter u Chelsea laħqu ftehim biex l-attakkant Belġjan ta’ 29 sena Romelu Lukaku l-istaġun li ġej jerġa jilgħab man-Nerazzurri.

Lukaku ingħaqad ma’ Inter fl-ewwel esperjenza tiegħu fl-Italja fl-istaġun 2019/20 u f’żewġ staġuni skorja total ta’ 47 gowl fi 72 partita u kien strumentali biex Inter jirbħu l-iscudetto fl-istaġun 2020/21 wara nuqqas ta’ għaxar snin. Huwa ingħaqad ma’ Chelsea l-istaġun ta’ wara għas-somma ta’ £97.5 miljun iżda ma’ rnexxielux isib l-istess forma li kellu fl-Italja tant li minn 26 logħba skorja biss tmien darbiet fil-Kampjonat.

Inter se jkunu qed iħallsu £6.9 miljun ta’ staġun għal Lukaku, bil-Belġjan se jkun qed inaqqas il-paga tiegħu drastikament.

Lukaku ma’ Inter fl-istaġun 2020/21 (Ritratt: EPA)