Ekonomija Lokali Turiżmu

“Qed nistennew li naraw nuqqas ta’ turisti minħabba d-daqqa tal-għoli tal-ħajja” – iċ-Chairperson tal-Corinthia

It-turiżmu f’Malta ghadu qed jaffacja sfida wara l-oħra – mill-pandemija li ġabet lis-settur għarkubtejh, għad-daqqa ta’ ħarta minħabba l-effetti tal-għoli tal-ħajja.

Kien dan is-sentiment ewlieni espress minn diversi imprendituri illi kienu preżenti waqt Business Breakfast li sar l-Erbgħa filghodu bl-isem ‘Tourism – The Way Forward’, meta flimkien kienu qed jiddiskutu l-effett tal-pandemija fuq it-turiżmu.

Ic-Chairperson tal-Grupp Corinthia, Alfred Pisani saħaq li l-għoli tal-ħajja se tibqa’ tiżdied fis-snin li ġejjin, filwaqt li t-turiżmu f’pajjiżna qatt mhu se jerġa’ lura għal li konna nafu qabel.

Iċ-Chairperson tal-Corinthia insista li pajjiżna rrid jaffaċja r-realtà li t-turisti se jispiċċaw ikollhom iħalsu għall-għoli tal-ħajja. U appella lill-Gvern biex jagħmel pjan konkret ta’ kif pajjiżna għandu jindirizza l-inflazzjoni hekk kif qed nistennew li fix-xhur li ġejjin se nkunu qed naraw nuqqas drastiku fit-turisti li jżuru Malta.

Intqal illi minkejja li pajjiżna qed jirkupra mid-daqqa ta’ ħarta li ħa matul il-pandemija, it-turiżmu xorta mhux se jerġa’ jilħaq il-livelli li kelna daqs tliet snin ilu, u dan minħabba l-fatt li xahar wara xahar qed naraw li l-għoli tal-ħajja qed tkompli tippersisti; bil-Gvern ta’ Robert Abela donnu qed iżomm rasu mgħaddsa fir-ramel.

Minn naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat irrimarka li fid-dawl tal-għoli tal-ħajja certu negozji kellhom inaqqsu x-xogħol … b’riżultat li numru ta’ ħaddiema spiċċaw bla impjieg. F’xi kazi wkoll… kellhom ibiddlu l-operat biex jaddattaw maż-żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi.

Il-President tal-GTA saħaq li n-nies iridu jsiefru iżda jekk il-Gvern se jibqa’ jinjora din l-isfida, it-turisti se jispiċċaw imorru f’pajjiżi oħra fejn il-prezzijiet huma aktar baxxi.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Protelli minn naħa tagħha spjegat li minn stħarriġ riċenti li sar mill-Kamra tal-Kummerċ, it-turiżmu huwa l-ewwel u l-iktar settur li jieħu daqqa ta’ ħarta minn aspett negattiv, minħabba l-għoli tal-ħajja.

Fl-istess konferenza. il-Kelliem tal-PN għat-Turiżmu, Robert Arrigo fisser kif kumpaniji barranin ibbażati f’Malta għandhom l-abbiltà li jżidu l-ħaddiema, iżda għal dawn l-aħħar snin ma rajniex sostenn minn naħa tal-Gvern.

Il-Kelliem tal-PN għat-Turiżmu fakkar ukoll illi jekk it-titjiriet kollha li jaslu Malta jkunu mimlijin, dan mhux biżżejjed biex nimlew is-soddod kollha tal-lukandi f’pajjiżna.