Sport Waterpolo

San Ġiljan jirbħu battalja fil-baħar … rebħiet prezzjużi għal Sirens u Marsaxlokk

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Artiklu: Stewart Said

SAN ĠILJAN JP PROJECTS….. 11

SLIEMA FRANK SALT………….. 9

(4-1), (5-4), (1-1), (1-3)

Ġmiel ta’ logħba f’battalja fil-baħar. Hekk niddeskrivi l-ewwel konfront dirett bejn l-isfidanti għar-rebħ tal-kampjonat. San Ġiljan JP Projects ħarġu rebbieħa meritatament kontra Sliema Frank Salt, f’logħba mimlija dwelli li tawgura tajjeb għal meta l-konfronti jkunu jfissru iktar. Ċertament li ilna ftit ma naraw dawn il-logħbiet fis-sajf.

Il-bidu b’saħħtu ta’ San Ġiljan wassal biex bnew vantaġġ tajjeb ta’ 4-1. Wara li Jamie Gambin kien ikkanċella l-gowl ta’ Ben Plumpton, doppjetta ta’ Andreas Galea u gowl tal-eks Nicholas Bugelli taw vantaġġ tripplu. Sliema setgħu qatgħu d-distakk diversi drabi kieku ma fallewx ċertu okkażjonijiet quddiem il-lasta.

Sliema rnexxielhom jaqtgħu d-distakk għal 6-4 waqt it-tieni sessjoni u dehru li setgħu jidħlu aktar fil-logħba. Iżda Nikolai Zammit kellu ħsibijiet oħra, skorja doppjetta fi ftit ħin u reġa’ kabbar il-vantaġġ ta’ San Ġiljan għal erba’ gowls, liema vantaġġ żammewh sal-ħin tal-mistrieħ.

Il-logħba żiedet fit-tensjoni fit-tielet sessjoni. San Ġiljan tilfu lil Andreas Galea, bl-eks Dino Zammit inaqqas id-distakk minn penalty. Iżda Nikolai Zammit wieġeb immedjatament. Ftit wara, ġew fouled-out ukoll Jake Bonavia u Ben Plumpton.

Fl-aħħar sessjoni, il-logħba kompliet tisħon, b’San Ġiljan jitilfu wkoll lil Nikolai Zammit u Peter Borg filwaqt li Dino Zammit spiċċa fouled-out għal Sliema, bil-logħba tieqaf għal ftit mumenti sakemm ikkalma kollox.

Minħabba nuqqas ta’ plejers, il-kowċ Ġiljaniż Zeljko Kovacic kellu jdur fuq l-aktar plejers żgħażagħ tiegħu. Russell Caruana kien pront u wieġeb mill-ewwel meta kabbar il-vantaġġ tal-Ġiljaniżi b’lob sabiħ. Sliema ttantaw jidħlu fil-logħba b’żewġ gowls iżda San Ġiljan żammew il-pussess fl-aħħar mumenti.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, A. Galea (2), N. Schiavone, R. Caruana (1), M. Zammit (1), B. Plumpton (1), D. Tully, J. Bonavia, N. Zammit (4), D. Zammit, N. Bugelli (1), G. Vassallo, M. Ortoleva (1), D. Fero

Sliema: N. Grixti, M. Mifsud (1), L. Galea (2), D. Rizzo, M. Meli, B. Cachia, J. Cutajar (1), K. Borg, J. Brownrigg (1), J. Gambin (2), Z. Mizzi, D. Zammit (2), A. Theuma

Referees: Aldo Rovandi, Alex de Raffaele

SIRENS MECCA MARINE…… 7

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…… 5

(3-2), (1-1), (1-0), (2-2)

Sirens Mecca Marine temmew Grupp A fit-tieni post u se jibdew il-Kampjonat Premier bi tliet punti wara rebħa kontra Birżebbuġa Freeport f’konfront bilanċjat. Għalkemm Sirens kienu ftit aħjar, Birżebbuġa kellhom okkażjonijiet fejn setgħu ħadu l-vantaġġ, iżda qatt ma kisbu l-vantaġġ.

Jerome Zerafa Gregory ta vantaġġ lil Sirens b’doppjetta, bit-tim ta’ Birżebbuġa jirnexxilu jnaqqas id-distakk għal 3-2 sa tmiem l-ewwel sessjoni. Ben Grech saħansitra ġab id-draw fit-tieni sessjoni sakemm Gianni Farrugia ħalla lil Sirens minn fuq b’penalty eżatt mat-tmiem tas-sessjoni.

L-istess Farrugia kabbar id-distakk għal 5-3 bl-uniku gowl tat-tielet sessjoni, f’azzjoni maħduma tajba. Grech ħalla lil Birżebbuġa jittamaw fl-aħħar sessjoni sakemm Marko Orlovic sejjaħ żewġ time-outs bi bravura.

Miż-żewġ okkażjonijiet waslu ż-żewġ gowls ta’ Zerafa Gregory u Gabriel Melillo li minnhom Sirens serrħu rashom mill-punti, bit-tielet gowl personali ta’ Grech lejn it-tmiem ikun inutli.

Sirens: T. Micallef, P. Serracino, K. Erdogan, J. Sciberras, J. Zerafa Gregory (3), G. Farrugia (2), M. Chircop, I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras, M. Azzopardi (1), M. Bonello Dupuis, G. Melillo (1), K. Agius

Birżebbuġa: M. Vassallo, J. Farrugia, N. Cassar, B. Grech (3), C. Mifsud, R. Mock, M. Farrugia, D. Cutajar, S. Bezzina, K. Tanti (1), G. Mannino (1), M. Curmi, M. Sladden, M. Giarretana, G. Sammut

Referees: Gianfranco Bonavita, Ronnie Spiteri

MARSAXLOKK BROWN’S…. 12

BARRACUDAS…………………. 7

(6-0), (2-2), (3-1), (1-4)

Tasal l-ewwel rebħa għal Marsaxlokk Brown’s fi Grupp B, liema rebħa tibqa’ tgħodd fl-Ewwel Diviżjoni minħabba li Barracudas se jilagħbu fl-istess diviżjoni tagħhom. Ir-riżultat finali mhux bilfors jindika l-andament tal-logħba hekk kif kien biss fl-aħħar sessjoni li Barracudas għamlu l-iskor rispettabbli.

Marsaxlokk għamlu l-aġenda tagħhom ċara, dik li jassiguraw mir-rebħa kemm jista’ jkun malajr. Huma skorjaw sitt gowls mingħajr risposta fl-ewwel sessjoni, biż-żagħżugħ Ryan Galea jiskorja tlieta minnhom. Wara li Julian Valletta kabbar l-iskor, Barracudas naqqsu d-distakk darbtejn sakemm Galea għamilhom 8-2.

B’dan id-distakk, Marsaxlokk ikkontrollaw il-logħba, b’Max Zammit jiskorja tnejn mit-tliet gowls tagħhom fis-sessjoni. B’distakk ta’ 11-3 qabel il-bidu tal-aħħar sessjoni, Barracudas irnexxielhom inaqqsu d-distakk u tal-anqas sofrew telfa li tista’ tgħinhom biex jemmnu aktar fihom infushom.

Marsaxlokk: S. Mifsud, R. Spiteri, C. Cutajar, B. Zammit, T. Agius, D. Bugeja, M. Zammit (4), L. Mallia, L. Saliba (1), R. Galea (5), J. Valletta (1), A. Cook, M. Farrugia, E. Mallia (1), R. Scerri

Barracudas: C. Bugeja, A. Piccione, A. Magri (1), P. Micallef, D. Ciantar (2), R. Sciortino (1), S. Aquilina (1), L. Galea (1), D. Camilleri, J. Bugeja, A. Mifsud (1), T.J. Mifsud, M. Borg, A. Grima Scott, N. Camenzuli

Referees: Aldo Rovandi, Stefan Licari

L-ewwel tliet timijiet ikomplu fil-Kampjonat Premier. It-timijiet l-oħra jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni