Lokali Unjoni Ewropea

Tliet kwarti tal-Maltin jemmnu li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea hija xi ħaġa pożittiva

Skond l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika maħruġ mill-Ewrobarometru, f’erba’ xhur biss mindu Roberta Metsola laħqet President tal-Parlament Ewropew, kienu irreġistrati qabżiet kbar dwar kif il-Maltin iħarsu lejn l-Unjoni Ewropea.

Tnejn minn kull tliet persuni f’Malta għandhom opinjoni pożittiva dwar il-Parlament Ewropew – kważi terz aktar mill-aħħar stħarriġ li sar f’Novembru li għadda meta kienu 39 fil-mija biss li kellhom din il-fehma.

Tliet kwarti tal-Maltin jemmnu li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea hija xi ħaġa tajba – 12 fil-mija aktar minn sitt xhur ilu.

Erbgħa minn kull ħames parteċipanti irrikonoxxew l-importanza tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea – żieda ta’ 16 fil-mija fuq Novembru.

Żewġ terzi taċ-ċittadini Maltin jemmnu li leħinhom jinstema’ fuq livell Ewropea – bidla totali meta mqabbel ma Novembru. Sa sitt xhur ilu, inqas min-nofs il-Maltin kienu jemmnu li l-opinjoni tagħhom għandha valur.

F’reazzjoni għal dan l-istħarriġ, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet, “l-vuċi tal-poplu Malti tassew għandha valur fuq livell Ewropew u hu ta’ pjaċir ninnota li l-Maltin u l-Għawdxin dan qed jirrikonoxxuh iżjed minn qatt qabel. Kemm it-thassib u anke l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi qed inpoġġuhom kuljum fuq il-mejda tad-diskussjoni. Tul il-mandat tiegħi bħala President tal-Parlament Ewropew, irrid nara li l-entużjażmu u t-tama għal futur aħjar li kellna meta għażilna li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea jibqa’ fostna u jissaħħaħ. U dan billi inġeddu il-proġett li offra bosta opportunitajiet u ħajja aħjar, għalina u għal uliedna.”