Internazzjonali

Afganistan: Numru kbir ta’ tfal tilfu ħajjithom fit-terremot tal-Erbgħa

It-tobba fl-Afganistan żvelaw li numru sinifikanti ta’ tfal tilfu ħajjithom fit-terremot kbir tal-Erbgħa li ssarraf f’aktar minn 1,000 mejtin u mijiet oħra ta’ midruba.

Intant ir-riżorsi tal-emerġenza fil-pajjiż huma skarsi waqt li l-artijiet fejn laqat it-terremot – u l-madwar – jinsabu mgħarrqin fit-tajn li qed itellef mhux ftit lill-iskwadri għall-emerġenzi.

It-terremot immarka 6.1 fuq l-Iskala Richter u l-awtoritajiet tat-Taliban, li qed imexxi l-Afganistan, qalu li jista’ hemm l-għexieren tan-nies mitlufin qalb ir-radam tad-djar li ċedew fit-theżżiża.

In-networks tal-komunikazzjonijiet fl-Afganistan intlaqtu ferm ħażin f’dan it-terremot, bl-awtoritajiet Talibani qed isejħu għal aktar għajnuna minn barra huma u jiffaċċjaw sitwazzjoni umanitarja ddisprata.

In-Nazzjonijiet Uniti u diversi organizzazzjonijiet ta’ fejda qegħdin jippruvaw jipprovdu għajnuna fil-forma ta’ ikel u ilma liz-zoni remoti fil-provinċja ta’ Paktika – li hi fost l-agħar inħawi milqutin mit-theżżiża l-kbira.

Qegħdin jintbagħtu wkoll forom ta’ kenn għall-emerġenzi lejn l-Afganistan, bis-sitwazzjoni qed tidher gravi wkoll għas-sistema tas-saħħa f’dan il-pajjiż li kien x’xifer ta’ kroll anki qabel id-diżastru.

In-nies li għexu mit-terremot qed jirrakkuntaw dwar villaġġi sħaħ li nqerdu kompletament qrib l-epiċentru tat-theżżiża – bil-midruba fit-terremot qed jitqiesu bejn l-1,500 u l-2,000.

Il-maġġoranza tal-vittmi nzertaw fid-distretti ta’ Gayan u Barmal li jiffurmaw parti minn Paktika u fost konferma li għexieren ta’ villaġġi ‘inqerdu minn fuq il-mappa’.

Fl-aħħar sigħat spikkaw ukoll rapporti li numru ta’ familji x’aktarx li tilfu ‘bejn ħamsa u 20 qraba’ f’dan it-terremot li kien l-aktar wieħed b’saħħtu li qatt laqat lill-Afganistan f’aktar minn 20 sena.

Dan meta s-sitwazzjoni umanitarja tibqa’ sfida kbira għall-moviment Islamista tat-Taliban li ħa lura l-poter fl-Afganistan matul is-sajf li għadda – u wara l-kroll tal-Gvern preċedenti li kellu l-appoġġ tal-Punent.