Lokali

Il-PN jeżiġi konsultazzjoni serja u effettiva fl-għażla ta’ karigi importanti bħal ta’ Aġent President tar-Repubblika

Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jwaqqaf ħesrem il-konsultazzjoni mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni, dwar għażla importanti u fuq livell nazzjonali bħalma hi ta’ Aġent President tar-Repubblika.

U dan minkejja li l-Prim Ministru hu obbligat, bil-Kostituzzjoni, biex jikkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar karigi bħal din.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ilu x-xhur li beda komunikazzjoni mal-Prim Ministru biex issir konsultazzjoni serja u effettiva dwar din il-kariga u oħrajn, b’Robert Abela saħansitra, kien wieġeb ittra tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, fejn kien wegħedu li se jikkonsulta miegħu.

Fil-verità, issa li qabad u ħabbar isem l-Aġent President il-ġdid, il-Partit Nazzjonalista jinnota kif Abela qed jagħżel li ma jikkomunikax, minkejja r-rieda tajba ta’ Bernard Grech fl-aħjar interess tan-nazzjon u tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.