Lokali

“Il-PN se jiżgura li l-valuri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa jissaħħu” – Beppe Fenech Adami

“Il-Partit Nazzjonalista ser ikompli jaħdem, mingħajr waqfien, biex jiżgura li l-valuri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa; tal-ġustizzja, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, il-governanza tajba u s-saltna tad-dritt, jissaħħu.” – Dan kien il-messaġġ tal-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Barranin, Beppe Fenech Adami meta indirizza l-assemblea li qed tiddiskuti r-riżoluzzjoni mal-onorazzjoni tal-obbligi tas-sħubija ta’ fil-Kunsill tal-Ewropa.

Fenech Adami saħaq li din ir-riżoluzzjoni tirrikonoxxi żviluppi riċenti f’pajjiżna li wasslu għal żieda fir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Malti. Dan filwaqt li semma kif din tirrikonoxxi wkoll titjib fil-proċess tal-għażla tal-membri tal-ġudikatura u tenfasizza li l-immigrazzjoni illegali tibqa’ sfida għal gżiritna, fattur li jitlob appoġġ u qsim tal-piż mill-istati Ewropej kollha.

Il-Kelliem tal-PN stqarr li pero, din tr-riżoluzzjoni tenfasizza kwistjonijiet oħra fosthom fir-rigward tal-kollass tas-saltna tad-dritt u l-kultura tal-impunità li ħakmet lil pajjiżna. Hu fakkar kif dan ir-rapport wasal wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 u wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ Inkjesta Pubblika wara l-assassinju, li sar wara pressjoni li saret mill-Kunsill tal-Ewropa u tant entitajiet oħra.

Id-Deputat tal-PN semma kif din l-Inkjesta Pubblika kkonkludiet li l-istat Malti għandu jerfa’ r-responsabbiltà tal-qtil tal-ġurnalista fejn tgħid li l-istat għandu jirrikonoxxi n-nuqqas serju tal-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Barra minn hekk, Fenech Adami fakkar kif  l-Inkjesta kkonkludiet li l-pulizija u l-awtoritajiet rilevanti għandhom ikomplu, jew aħjar jibdew, l-investigazzjonijiet tagħhom biex jiżguraw li kull min kien involut fl-assassinju jinżamm responsabbli. Hawnhekk, il-Kelliem tal-PN stqarr li minkejja l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika, sal-lum ma tantx sar progress biex tiġi żgurata ġustizzja.

Dan meta, saħaq Fenech Adami, sal-lum il-politiċi u l-eks-politiċi kollha tal-Gvern inklużi ministri u eks prim ministru, li taħt it-tmexxija tagħhom inħolqot atmosfera ostili kontra Daphne Caruana Galizia, evadew l-ġustizzja fejn illum, kważi ħames snin wara l-Qtil, il-proċedimenti kriminali kontra l-allegati mħuħ u l-eżekuturi jibqgħu għaddejjin bil-mod fil-qrati kriminali.

Matul id-diskors tiegħu Beppe Fenech Adami, qal li r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tenfasizza s-sitwazzjoni tal-Membri Parlamentari Maltin li sal-lum huma membri part-time li jridu jlaħħqu mal-impjieg tagħhom u l-impenji parlamentari.

Fenech Adami saħaq li fuq il-bankijiet tal-oppożizzjoni, in-nuqqas ta’ riżorsi u appoġġ biex jitwettaq xogħol siewi huma tant li ma jgħinx biex isir il-qadi tad-dmirijiet parlamentari biex ikun skrutinizzat ix-xogħol tal-Gvern.

Id-Deputat tal-PN saħaq li dan ir-rapport jenfasizza wkoll fuq il-kontroll li l-Prim Ministru ta’ Malta għad għandu fuq iċ-Ċivil. Hu qal li sfortunatament sal-lum, il-Gvern Malti m’għandux ir-rieda politika li jassigura li s-Servizzi Ċivili tagħna jiffunzjonaw b’mod imparzjali, ‘il bogħod mill-politika partiġġjana.

Il-Kelliem tal-PN qal li l-Gvern għadu juża u jabbuża minn sistema li tippermetti l-ingaġġ ta’ numru kbir ta’ persuni fi ħdan il-ministeri kollha tal-Gvern. Hu saħaq li din is-sitwazzjoni żżid il-vulnerabbiltà tas-Servizz Ċivili għall-kunflitti ta’ interess.

Beppe Fenech Adami semma’ kif ir-rapport tal-Kunsill ifaħħar il-progress li sar fir-riformi riċenti li saħħew il-pożizzjoni u l-indipendenza tal-Ombudsman li jwettaq funzjoni importanti ta’ sorveljanza istituzzjonali fuq l-awtoritajiet. Hawnhekk semma’ kif madankollu, jiddispjaċih li ftit mir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Ombudsman sal-lum baqgħu injorati.

Ir-rapport jenfasizza wkoll il-vulnerabbiltà kontinwa tas-Settur pubbliku Malti għall-korruzzjoni. Tenfasizza d-dgħufijiet strutturali tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni, jirrakkomanda t-tisħiħ tal-Whistle Blowers Act, u jiddeplora n-nuqqas strutturali ta’ implimentazzjoni u infurzar tal-‘Freedom of Information Act’ li jagħmel il-liġi ineffettiva.

Waqt id-diskors, Fenech Adami qal li din ir-riżoluzzjoni tfaħħar il-ħidma tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, fejn saħaq li dan kien pass pożittivgħal pajjiżna, madanakollu fakkar kif ir-riżoluzzjoni tesprimi t-tħassib dwar il-vulnerabbiltà għall-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Intant, matul il-ġurnata ttieħed vot dwar din ir-riżoluzzjoni fejn 79 deputat ivvutaw favur filwaqt li żewġ persuni astjenew. Net News hu nfurmata li l-persuni li astjenew kienu ż-żewġ Deputati tal-Partit Laburista u għalhekk kienu l-uniċi li ma kkundannawx il-Gvern Malti.