Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qed jiltaqa’ ma’ grupp ta’ mexxejja oħrajn prominenti fost sinjali li r-Russja għad għandha l-alleati b’saħħithom, irrispettivament mill-kundanna ta’ ħafna pajjiżi għall-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Moska.
Putin, fl-aħħar sigħat, kien qed jattendi laqgħa ‘virtwali’ tal-alleanza BRICS, li twaqqfet fl-2009, u li hi magħmulha mir-Russja, iċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u l-Afrika t’Isfel. Dan waqt li d-diskorsi tal-mexxejja tal-grupp fl-ebda ħin ma rreferew għall-invażjoni tal-Ukrajna b’mod kritiku.
Filwaqt li l-Brażil, l-Afrika t’Isfel u l-Indja ma qalu xejn dwar l-Ukrajna, il-President Ċiniż, Xi Jinping – b’referenza diretta għall-Istati Uniti u n-NATO– qal li ‘il-kriżi tal-Ukrajna qed titfa’ dawl fuq l-istat tal-umanità u meta l-pajjiżi se jkollhom il-problemi tas-sigurtà fejn juru fiduċja għamja fil-pożizzjonijiet ta’ saħħa li jista’ ikollhom filwaqt li jespandu l-alleanzi militari u jfittxu s-sigurtà tagħhom għall-ispejjeż ta’ ħaddieħor’.
Vladimir Putin, imbagħad, qal li l-pajjiżi fl-alleanza ‘tiegħu’ komplew jikkonsolidaw ir-rabtiet fi żmien meta l-ekonomija tar-Russja spiċċat affettwata mis-sanzjonijiet tal-Punent. Is-sanzjonijiet – minħabba l-gwerra fl-Ukrajna – qed jikkonċentraw fuq in-negozji u l-gruppi tal-kumpanniji fir-Russja, waqt li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea qed jipprojbixxu l-importazzjoni taż-żejt mir-Russja.
Putin, issa, qal li r-Russja ‘qed tikkonċentra fuq il-pajjiżi tal-BRICS għall-kummerċ – l-istess bħal sieħba internazzjonali oħrajn li Moska tista’ torbot fuqhom’. Dan meta skont Moska, il-kummerċ tar-Russja maċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u l-Afrika t’Isfel żdied bi kważi 40 fil-mija waqt l-ewwel tliet xhur tas-sena.
Fil-fatt, iċ-Ċina u l-Indja ma tilfux żmien biex jibbenefikaw mill-prezz baxx taż-żejt mir-Russja u wara li l-importaturi tal-Punent ‘għalqu l-bieb’ għal dan ir-riżors. Hu minnu wkoll li d-dħul għar-Russja mill-esportazzjoni taż-żejt irreġistra qabża ta’ 11 fil-mija matul ix-xahar li għadda.
Għaldaqstant – u waqt li l-BRICS ma tidhirx disposta li xi darba tikkritika lil Putin dwar l-invażjoni tal-Ukrajna, –il-pajjiżi f’din l-alleanza qed ifakkru lid-dinja li r-Russja xorta għandha l-Istati influwenti fuq min torbot minkejja li spiċċat imwarrba mill-Punent u l-alleati tiegħu.
//= $special ?>

