Futbol Sport

Paul Pogba se jirritorna ma’ Juventus

Wara sitt staġuni ma’ Manchester United, il-midfielder Internazzjonali Franċiż Paul Pogba se jirritorna ma’ Juventus wara li aktar kmieni dan ix-xahar kien ikkonfermat li mhux se jġedded mar-Red Devils.

Rapporti persistenti fl-Italja qalu li l-ġurnata tal-Ħamis kienet waħda kruċjali għar-rappreżentanti ta’ Pogba u d-diriġenza tal-Bianconeri hekk kif jidher li wara laqa f’Milan, kien hemm qbil totali bejn iż-żewġ partijiet dwar il-kuntratt tal-midfielder Franċiż.

Pogba mistenni jasal Turin fil-bidu ta’ Lulju biex jagħmel it-testijiet mediċi u jiffirma l-kuntratt li jarah jirritorna ma’ Juventus fejn lagħab għal erba’ staġuni bejn l-istaġun 2012/13 u dak 2015/16.

Juventus se jkunu gwadanjaw bi kbir minn dan l-akkwist hekk kif huma kienu ħadu lil Pogba b’xejn mingħand Manchester United fl-2012 u biegħuh lil istess United għall-prezz ta’ €100 miljun fl-2016 biex issa reġgħu akkwistawh mingħajr ma’ ħallsu ċenteżmu.

Il-ġurnalist popolari Taljan Fabrizio Romano rraporta wkoll li Pep Guardiola kellu kuntatti diretti mal-plejer biex jipprova jikkonvincieh jingħaqad ma’ Man.City iżda Pogba kien diġà deċiż li ried jirritorna ma’ Juventus.