Lokali

AĠĠORNATA: Raġel jinstab mejjet f’semi basement ta’ blokka appartamenti fil-Qawra

Raġel ta’ 46 sena residenti San Pawl il-Baħar, il-Ħamis filgħodu għall-ħabta 4.30am instab mejjet fi Triq il-Qawra, fil-Qawra.

Sorsi ta’ Net News qalu li r-raġel kien għadu kif wettaq serqa minn ħanut u nstab mejjet f’semi basement ta’ blokka appartamenti. B’din l-aħbar tkun ikkonfermata fi stqarrija mumenti wara. Il-Pulizija qalu magħna li għall-ħabta tal-4.30am, sar rapport li kienet qed issir serqa minn kafetterija wara li daqq l-allarm ta’ ħanut.

Fuq il-post, il-Pulizija raw il-bieb tal-kafetterija żgassat u mkisser. Hemm sabu ammont kbir ta’ demm mal-art, mal-imwejjed u s-siġġijiet, sabu wkoll anki passi fit-triq tad-demm. Il-passi tad-demm wasslu lill-Pulizija għall-katavru tar-raġel li nstab f’semi basement ta’ blokka ta’ appartamenti wiċċu ‘l isfel f’għadira demm.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco li fetħet inkjesta, filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.

Dan huwa t-tieni każ li fih il-Pulizija ta’ San Pawl il-Baħar – f’temp ta’ ftit ġranet – kienu imsejħa biex jinvestigaw delitt. Ftit tal-jiem ilu f’San Pawl il-Baħar miet anzjan ta’ 60 sena wara li kien involut f’argument fi stabilliment fi Triq it-Turisti. Dan apparti każijiet oħra ta’ ġlied bejn persuni jew każijiet ta’ serq f’din il-lokalità.