Lokali Qorti

Raġel akkużat bi qtil fil-bar tiegħu stess jingħata l-pleġġ: Xhud jgħid li l-vittma beda jisgħollu fit-tazza u jaqbad miegħu

Is-sid tal-ħanut Munchies Bar li jinsab f’Buġibba li qed jiġi mixli bil-qtil ta’ klijent tiegħu sbieh nhar il-Ġimgħa filgħodu ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Doreen Clarke f’anqas minn ġimgħa li tressaq il-Qorti wara li xhud qal li l-vittma ta’ nazzjonalità Ingliża qabad miegħu u beda jisgħollu fit-tazza tax-xorb u anke jagħtas.

Il-vittma kien xurban sew u l-akkużat kemm il-darba qallu biex jitlaq mill-ħanut imma dan beda joffendih u ma riedtx jitlaq bl-ebda mod. Dan ħareġ hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ David Busuttil, ta’ 59 sena mir-Rabat u residenti San Pawl il-Baħar li jinsab mixli li kkaġuna l-mewt ta’ Ingliż ta’ 60 sena li allegatament imbottah diversi tarġiet wara argument fl-istess ħanut.

David Busuttil jinsab fil-mira ta’ prosekuzzjoni kriminali wara l-inċident li seħħ fis-sigħat bikrin ta’ nhar il-Ġimgħa filgħodu tas-17 ta’ Ġunju li għadda meta l-Pulizija ġiet infurmata dwar pazjent li kien ddaħħal l-Isptar Mater Dei f’qagħda kritika għall-ħabta tas-1.30am. Mill-awtopsja li saret irriżulta li l-vittma Roger Dudley Ward miet wara li ħabar rasu fuq il-bankina ta’ barra l-ħanut spiċċa biex żvina.

Hekk kif it-talba għall-pleġġ li saret mill-Avukat Franco Debono li flimkien mal-Avukat Marion Camilleri qed jidhru għall-akkużat intlaqat, l-akkużat li eks player tat-team tal-football Rabat Ajax, flimkien ma’ ħuh Carmel Busuttil, eks stilla tal-football Malti nfexxew jibku bil-ferħ.

Kieran Micallef li ilu jaf lill-akkużat u li dak inhar kien fil-ħanut biex jagħtih daqqa t’id qal li kollox kien kwiet sakemm Ward mar fil-ħanut wara l-10.00pm u bħas soltu spiċċa fis-sakra. Tenna li din mhux l-ewwel darba li l-vittma mar fil-ħanut u jispiċċa jisker.

Saħaq li David Busuttil irreġixxa u ddeffenda ruħu u ma riedx iħalli lill-vittma jidħol fil-ħanut. Dan għamlu biex jiddefendi lilu nniffsu. Madankollu Ward xorta tela’ t-taraġ u beda jinsisti biex imur lura ‘l fuq. Ma jafx jekk imbuttahx Busuttil jew waqax waħdu.

Micallef qal li huwa kien wasal fil-bar fit-8pm u kollox kien kwiet. Tenna li l-akkużat kien qed jara d-darts bil-kwiet ftit wara wasal il-vittma ma’ ċertu Shane Eagle li ma jafux. Huma kienu fuq mejda barra u x-xhud qal li kien ħdejn Busuttil ipjejjep sigarett.

X’ħin wasal Ward wara l-10pm. kien diġa deher li mhux qiegħed sew. Qal li David Busuttil u Shane Eagle kienu qegħdin jitkellmu barra u bdew jitkellmu fuq affarijiet li ma kellux x’jaqsam magħhom il-vittma. “Roger beda jaqbad ma David u saħansitra għamillu s-sigarett mal-flokk. David qallu ‘ieqaf itlaq’.

“Il-konverżazzjoni kompliet ma’ Shane Eagle u l-vittma beda jitkellem ħażin, filwaqt li l-akkużat qallu ‘itlaq mhux se nibqa’ nservik’. Roger qabad jisgħol u jagħtas u hawn bis-sogru li xi ħaġa tispiċċa fit-tazza ta’ David. Fil-fatt beda jisgħol fit-tazza ta’ David,” qal Micallef.

Kompla jgħid li f’ħin minnhom il-vittma waddab bott birra lejn Busuttil Saħaq li kienu l-akkużat, il-vittma u Shane Eagle li kienu qegħdin jieħdu drink. Qal li meta David Busuttil ra lill-vittma jisgħol, inħaraq u waddabblu d-drink għal wiċċu. Ix-xhud qal f’dan il-ħin l-akkużat telaq u daħal il-ġewwa.

Ward mar warajh qabad il-bott tal-birra minn distanza ta’ xi tliet u waddabulu u wara ġew fl-idejn. Ix-xhud qal li meta bdew jiġġieldu bejniethom huwa mar iferraqhom u lil David imbottah il-ġewwa, u kif dahar ra lill-vittma ma’ l-art fuq il-bankina

Ix-xhud sejjaħ il-ġlieda bħala waħda tal-boloħ bil-vittma ma mkienx jaf x’kien qed jagħmel, Saħaq li Ward kien imur il-Munchies madwar erba’ darbiet fil-ġimgħa. Dan kien jitlaq meta ngħidlulu, imma din id-darba ma jafx x’ġara differenti, sostna Micallef.

Qal ukoll li fżħin minnhom huwa ta s-silġ lil sieħbu Eagle u dan għamilulu ma’ rasu imma ma kienx jaf x’ġara għax meta mar iferraq kien wiċċu lejn Busuttil jipprova jimbootah il-fuq hekk kif ilp-vittma reġa’ kien qed jitla għall-akkużat mit-taraġ għal fuq.

Mistoqsi jekk kienx hemm xi ħadd ieħor fil-ħanut, ix-xhud qal li kien hemm tliet turisti anzjani u kif dawn raw il-ġlieda telqu. Dwar kemm il-vittma xorob birra, Micallef qal li huwa servih xi erba’ jew ħames pinet. Qal li qatt ma basar li dan kien se jispiċċa mejjet, fil-fatt sar jaf li Ward miet meta l-għada sema’ fuq l-aħbarijiet. Tenna li huwa ħaseb li l-għada l-vittma kien se jerġa’ jmur fil-ħanut b’xi erba’ punti u hu u l-akkużat jerġgħu jibdew jitkellmu.

Dwar kemm xorob l-akkużat qal li kull ma ħa drink wieħed, Captain Morgan Spice bil-ginger. Dwar it-tip ta’ diskors tal-vittma fil-konfront tal-akkużat qal li dan kien jibgħatu jieħdu ‘l hemm u ‘l hawn u kien jgħidlu ma kienx se jitlaq mill-ħanut tiegħu.

Verżjoni differenti minn sieħeb il-vittma

Il-verżjoni ta’ Shane Eagle kienet waħda differenti fejn dan qal li l-akkużat fejn huwa qal li fl-ebda ħin ma raha lil sieħbu jisgħol jew jagħtas fit-tazza tal-akkużat. Huwa qal li Busuttil li ilu jaf sew għal snin u li kien imur ħafna għandu qabel meta kien joqgħod Buġibba, imma issa naqqas milli jmur għax mar joqgħod il-Mellieħa.

Huwa qal li kien il-vittma li ċempillu biex imorru l-Munchies jieħdu drink wara li Ward dak inhar stess kien għadu kemm wasal minn Istanbul it-Turkija u riedu jiltaqgħu biex joqgħod ikellmu dwar dan il-pajjiż. Huwa qal li kien hu li wasal l-ewwel il-bar.

Bil-kontra talli qal Micallef ix-xhud tenna li kull ma xorob sieħbu kienu xi żewġ pinet birra u li ma jafx għaliex l-akkużat beda jaqbad ma’ Ward fejn dan ipprova jirranġa miegħu u jgħolli jdejh biex bħal speċi jgħidlu x’qed nagħmel. Eagle wal li Ward ġieli kien iħobb jargumenta imma kien raġel sew. Shane Eagle, qal li l-akkużat tilifha u r-reazzjoni tiegħu kienet eċċessiva.

Tenna li hu ġie mbottat minn Busuttil tliet darbiet bl-aħħar waqa’ tkun fatali fejn beda ħiereġ id-demm minn rasu. Busuttil ma emminx li beda ħiereġ id-demm u hu (ix-xhud) urieħ il-pala ta’ jdejh li kienet kollha demm. Tenna li f’ħin minnhom il-vitmma neħħielu jdejh minn fuq wara ta’ rasu waqt li ma kienx f’sensih mija fil-mija.

Kien Busuttil stess li ċempel l-ambullanza. Mobile kien fuq l-ewwel tarġa, Mhux l-istess direezzjoni. Shane Eagle għaraf lil David Busuttil u li jafu. Imur il-bar għal snin mnux ta’ spiss għax joqgħod il-Mellieħa. Roger ilu jafu 12-il sena. Ma kienx vjolenti imma kien iħobb jargumenta xi kultant.

Ix-xhud qal li Busuttil beda jgħid lill-vittma biex jaqtagħha u li beda jgħidlu li qed jisgħol fid-drink tiegħu. Tenna li kienu barra. U l-ewwel argiment spiċċa mal-bar. Tenna li l-akkużat beda jkellem ħażin lill-akkużat u l-aħħar daqqa dik fatali kienet waħda bis-sieq f’sidru.

“Fuq it-taraġ seħħ kollox. Xi tmien tarġeit hemm bil-vittma jkun fuq i-raba’ waħda meta qala’ bis-sieq, Mar biex jiġbor il-mobile u hemm qala daqqa fl-istonku tiegħu. Beda ħiereġ id-demm u ġiet l-ambullanza, li x-xhud ikkonferma kien ċempel biex tiġi l-akkużat fuq struzzjonijiet tiegħu. “Qatt ma kelli problemi ma’ David,” qal Eagle.

L-ewwel xhud fil-kumpilazzjoni kien l-Ispettur Shawn Pawney li qal li għall-ħabta tal-4.30am kien ġie infurmat mill-Ispettur Ryan Vella li Roger William Donald Dudley-Ward kien jinsab fil-periklu wara ġlieda fil-Munchies Bar. Qal, li l-Pulizija marru fuq il-post, iżda ma kien hemm ħadd.

Spjega li ħabib tal-vittma, Shane Eagle, avviċina lill-paramediċi u ħallielhom in-numru tiegħu. Huwa ġie kkuntattjat mill-Pulizija. Qal li s-CCTV kien għadu hemm u kien għadu jaħdem. Ix-xhud tenna li fl-għassa kellhom il-mobile tal-imputat u beda jċempillu ċertu Mark Genovese, li stqarr li jieħu ħsieb il-cameras tal-bar fejn seħħ l-inċident u li l-akkużat kien ipprova jagħmel kuntatt miegħu permezz ta’ Facebook, imma ma rnexxielux.

L-Ispettur Pawney xehed li l-imputat qal lill-Pulizija li l-argument qam wara li l-vittma, li kien xurban, kien ilu jdejqu “b’paroli fil-vojt u b’imġiba ħażina.” Qal, li l-vittma beda jisgħollu fit-tazza. Sostna li l-imputat qal li waddabblu d-drink u telaq jippassiġġa fejn il-bieb, żewġ piedi bogħod.

Sostna li l-vittma qallu diversi drabi “I put my hands up” u “I wasn’t coughing at you”, mar ifittxu u waddabblu birra. Il-ġlieda mbagħad saret waħda fiżika. Fi ftit sekondi, il-vittma spiċċa fuq il-bankina ,sitt tarġiet ‘l isfel, f’parapett. Xehed ukoll li wara l-inċident, l-imputat ċempel bil-Messenger lil Mark Genovese imma ma qabdux.

L-Ispettur Pawney xehed li Busuttil imbotta lill-vittma darbtejn, l-ewwel darba laqgħu Kieran Micallef u t-tieni darba tela’ waħdu. Wara reġgħu spiċċaw wiċċ imb wiċċ u waqt li kien baxxut qed jipprova jiġbed il-mobile phone tah daqqa ta’ sieq f’geddumu li żbilanċjah. 

Spjega li l-akkużat tefa’ lill-vittma mit-taraġ ‘l isfel tliet darbiet b’kollox. Ikkonferma li kien l-akkużat li ċempel għall-ambulanza u li fi żmien nofs siegħa ttieħed l-Isptar Mater Dei. Qal li l-ħabib tal-vittma ġie mitkellem mill-Pulizija l-għada tal-inċident. Minn catas-sigurtà jirriżulta li l-vittma u sieħbu kienu fuq mejda f’kantuniera. Fil-filmat il-vittma nstema’ jitkellem baxx. L-imputat instema’ jgħid lil xi ħadd li kien barra “qabad jisgħolli fit-tazza … malajr daħħaktu”.

Il-vittma miet b’ferita fuq wara ta’ rasu li wasslet għal emorarġija

Dwar l-awtopsja, l-Ispettur qal li rriżultat li l-vittma miet b’ferita fuq wara ta’ rasu li wasslet għal emorarġija fil-moħħ. Il-vittma kellu aktar minn 200mg alkoħol f’ġismu – li huwa livell għoli. L-Avukat Franco Debono għall-akkużat qal li l-klijent tiegħu mbotta lill-vittma ‘l barra mill-bar “biex jiddefendi ruħu” u qal li l-imputat kien ilu jaf lill-vittma. Qal li kellu karattru li ġieli wasslu f’argumenti.

Meta saru sosttomissjonijiet għall-ħelsien mill-arrest fejn il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għal din it-talba minħabba l-biża ta’ intraċċ tal-provi u l-fatt li għad baqa’ xhieda pajżana u li r-reat huwa wieħed gravi, id-difiża saħqet li l-imputat għadda minn trawma għax ma riedx joqtol lill-vittma. Qal li l-imputat kien qiegħed għall-affari tiegħu fi ħwejġu u li dejjem ġab ruħu sew man-nies.

Min-naħa tagħha, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, dik li jiffirma l-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra kull nhar ta’ Tnejn u Ġimgħa bejn is-6am u s-6pm u nħeles mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Dan wara li kien ilu biss ħamest ijiem arrestat.

Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li wara l-inċident, l-akkużat allegatament għamel kuntatt mal-fornitur tas-servizz tas-CCTV u biex jipprova jbagħbas l-evidenza. Id-difiża qed tiċħad dan kollu u qed tikkontendi li dan huwa każ ta’ ‘self defence’ u li żl-akkużat kien spjega d-dinamika tal-inċident fl-istqarrija tiegħu u qal lill-pulizija kif kien ipprovokat u li l-inċident kollu nqabad fuq filmati tas-CCTV.

L-Ispetturi Shawn Pawney u Ryan Vella qed imexxu l-Prosekuzzjoni, assistiti mill-avukati tal-AĠ Abigail Caruana Vella u Nathaniel Falzon. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri huma l-avukati difensuri. Il-kumpilazzjoni se tkompli fl-1 ta’ Awwissu.