Lokali

Robert Abela jikkonferma li l-Air Malta se tkompli titnaqqar

Robert Abela ta garanzija li għal-linja tal-ajru nazzjonali m’hemmx triq oħra għajr li titnaqqar.

Dan hekk kif waqt konferenza tal-aħbarijiet tul il-jum tat-Tlieta, il-Prim Ministru kkonferma li l-Gvern se jissokta bi programm ta’ ristrutturar fi ħdan l-Air Malta, u li allura jfisser li se jkompli jkeċċi l-ħaddiema bil-pulit.

Persuni li ilhom impjegati mal-linja tal-ajru għal snin twal spiċċaw sfurzati jippakkjaw u jitilqu xogħlhom wara li lura f’Jannar il-Ministru Clyde Caruana kien ħabbar li l-Gvern kien qiegħed ineħħi nofs il-ħaddiema mill-AirMalta. Dan minkejja li l-Gvern Laburista kien ta l-impressjoni li l-linja tal-ajru kienet sejra tajjeb.

Issa, Abela qed jagħti garanzija li l-ħaddiema se jsibu l-bieb miftuħ beraħ għal barra, u li sa nofs Awwissu se jkunu qed jingħataw post fis-settur pubbliku….għalkemm fil-verità deher inċert jekk kienx qed jitkellem dwar l-impjegati tal-AirMalta…jew għal perplessità ta’ bosta…tal-Enemalta.

Robert Abela stqarr li hemm ukoll l-eventwalità li ħaddiema li ma jaċċettawx li jmorru mas-settur pubbliku jagħżlu li jirtiraw kmieni. Iżda enfasizza li l-unika soluzzjoni li qed joffrilhom il-Gvern huwa li jaħdmu miegħu – fejn għal xi raġuni jerġa’ jsemmi l-ħaddiema ta’ kumpanija oħra.

Madanakollu l-Gvern ċertament mhux jindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema f’dan is-settur, b’dak li jissejjaħ brain drain mill-industrijatal-avjazzjoni lokali. Fatt li joħloq problemi għal dan is-settur f’pajjiżna….fatt li minflok qed jaħdem biex isolvi…Robert Abela xeħitha f’ħogor l-industrija.