Lokali Turiżmu

Sal-aħħar tas-sena f’pajjiżna se jiġu madwar 1.9 miljun turist

“Neħtieġu ‘roadmap’ biex nattiraw turisti ta’ kwalità li jonfqu iktar. Biex tkun sostnuta l-industrija tat-Turiżmu, Malta ma tistax tibqa’ tiddependi biss fuq il-volum ta’ turisti.” – Hekk saħaq, Alfred Pisani, espert fil-qasam turisitku u Chairman tal-Grupp Corinthia meta din il-gimgha insista illi l-industrija tat-turiżmu f’Malta għandha bżonn direzzjoni ċara. Meta kien qed jindirizza Business Breakfast organizzat mit-Times of Malta, Alfred Pisani enfasizza fuq il-fatt illi l-industrija tat-turiżmu Maltija hija ddisprata għal żieda fil-kwalità biex tattira klijenti li jonfqu aktar, fi sforz ħalli tieqaf tiddependi fuq il-volum biex issostni lilha nnfisha.

Dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ dan l-espert tat-turiżmu, staqsejna lill-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo. Il-Ministru saħaq li Pisani fil-verità kien qed jitkellem dwar l-istrateġija ta’ pajjiżna għat-turiżmu illi nieda ftit xhur ilu. Bartolo qal li din qed tħares ‘l quddiem biex fost l-oħrajn nirkupraw it-turiżmu kif nafuh qabel il-pandemija. Il-Ministru saħaq li b’hekk ikollna mudell fejn l-kwalità u l-kwantità jimxu id f’id dan apparti li se jkunu sostnut l-investiment li sar mis-settur privat. Iċ-Chairman tal-Corinthia pero, b’mod speċifiku saħaq li hemm bżonn ta’ roadmap u għalhekk, staqsejna direttament lil Clayton Bartolo propju dwar dan. Fir-risposta tiegħu l-Ministru qal “jekk trid issejħila roadmap, jekk trid issejħila strateġija, sejħila li trid.” Hu saħaq li l-Gvern għandu strateġija li bdiet tiġi implimentata.

Waqt il-Business Breakfast tat-Times, iċ-Chairman tal-Corinthia qal li kwalunkwe roadmap jew strateġija, għandha tkun akkumpanjata minn żieda fil-kwalità tal-prodotti offruti u l-ambjent ġenerali tal-gżira. Fil-kummenti tiegħu, Clayton Bartolo saħaq li sal-aħħar tas-sena pajjiżna jista’ jkun li se jara 1.9 miljun turist. Filwaqt li l-Ministru Bartolo semma’ dawn in-numri, l-espert fil-qasam tat-turiżmu u l-lukandier Alfred Pisani qal li se jkun hemm bżonn ta’ aktar persuni li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu. Dan meta stqarr li “għal kull 100,000 turist addizzjonali, għandna bżonn madwar 5,000 sa 10,000 impjegat addizzjonali biex jappoġġjawhom.” Pisani appella biex nifhmu bis-serjetà l-implikazzjoni reali ta’ dan filwaqt li saħaq fuq il-bżonn li jkun hemm titjib fil-pagi tal-ħaddiema biex ikunu mħeġġa aktar nies jidħlu jaħdmu f’dan il-qasam.