Futbol Sport

Staff mediku se jgħaddi ġuri dwar il-mewt ta’ Maradona

(Ritratt: EPA)

Tmien persuni se jgħaddu ġuri akkużati b’negliġenza kriminali fil-mewt tal-futboler leġġendarju Arġentin Diego Maradona wara li bord mediku sab li l-kura ta’ Maradona kienet mimlija “nuqqasijiet u irregolaritajiet”.

Maradona miet f’Novembru tal-2020 b’attakk tal-qalb fi Buenos Aires, fl-età ta’ 60 sena. Huwa kien qed jirkupra d-dar minn operazzjoni fil-moħħ aktar kmieni dak ix-xahar. Ftit jiem wara mewtu l-prosekuturi Arġentini nedew investigazzjoni dwar it-tobba u l-infermiera involuti fil-kura tiegħu. Is-sena li għaddiet, bord ta’ 20 espert maħtur biex jeżaminaw il-mewt tiegħu sab li t-tim mediku ta’ Maradona aġixxa b’mod “mhux xieraq, defiċjenti u imprudenti”. Il-Bord Ikkonkluda wkoll li l-Maradona “kien ikollu ċans aħjar ta’ sopravivenza” bi trattament adegwat f’faċilità medika xierqa.

Maradona fl-2015 waqt logħba Hockey bejn l-Arġentina u l-Kanada (Ritratt:EPA)

Fost dawk li qed jiffaċċjaw akkużi hemm in-newrokirurgu u t-tabib personali ta’ Maradona, Leopoldo Luque, psikjatra u psikologu, żewġ tobba, żewġ infermiera u ta’ fuqhom. Huma kollha ċaħdu l-akkużi kollha kontrihom. It-tmienja li huma se jiġu akkużati fuq definizzjoni legali ta’ omiċidju bbażat fuq negliġenza mwettqa meta kienu jafu li jista’ jwassal għall-mewt ta’ persuna.

Filwaqt li d-data tal-ġuri għad trid tkun stabbilita, skond il-kodiċi penali tal-Arġentina, akkużi bħal dawn jistgħu iwasslu sa 25 sena ħabs.