Sport Waterpolo

Stevie Camilleri se jirritorna jilgħab fl-ogħla diviżjoni Taljana ma’ Nuoto Catania

(Ritratt: Joseph Galea)

Artiklu: Stewart Said

Il-captain tat-tim nazzjonali Malti Stevie Camilleri se jkompli bl-avventura tiegħu fil-waterpolo Taljan hekk kif tħabbar bħala akkwist ġdid ta’ Nuoto Catania. Il-plejer li dalwaqt jagħlaq 35 sena, bħalissa jinsab impenjat ma’ Neptunes fil-Kampjonat tas-Sajf f’pajjiżna u se jingħaqad ma’ Catania bl-għan li jgħin lit-tim Sqalli li jżomm postu fil-kampjonat A1.

Camilleri għandu esperjenza kbira fix-xena Taljana hekk kif ilu mill-2008 jilgħab f’dan il-pajjiż. Hu lagħab ma’ Bogliasco bejn l-2008 u l-2014, ma’ Sette Scogli fl-istaġun 2014/15, ma’ Ortigia bejn l-2015 u l-2017. Fl-2017 ingħaqad ma’ Roma Nuoto wkoll fis-Serie A1 filwaqt li lagħab l-aħħar sentejn ma’ Muri Antichi fis-Serie A2.

Fl-ewwel kumment tiegħu, Stevie Camilleri qal li jinsab kuntent ħafna li se jidħol parti mill-familja ta’ Nuoto Catania. “Se nitfa’ l-esperjenza u l-impenn tiegħi għad-dispożizzjoni tal-kowċ u t-tim, bit-tama li niksbu xi ħaġa ta sodisfazzjon flimkien.”

Il-kowċ Giuseppe Dato, b’esperjenza wkoll f’pajjiżna, qal li Camilleri se jgħolli l-livell tekniku tat-tim u żied li l-esperjenza u l-kwalità tiegħu se jkunu żgur ta’ għajnuna. Catania salvaw posthom fis-Serie A1 wara li fil-logħba deċiżiva għelbu lil Lazio.