“Miet raġel li kien membru vulnerabbli tas-soċjetà. Miet għaliex is-sistema falliet.”
Hekk saħqet il-Fondazzjoni Richmond fi stqarrija l-Ħamis dwar it-telfa ta’ Nicholas Camilleri.
Ir-Richmond qalet li r-raġel miet għax il-vuċi u ta’ familtu ma ngħatawx widen. Huwa miet għaliex dawk li ħabbew lil Nicholas ma ngħatawx ir-risposti għall-mistoqsijiet li kellhom sabiex jikkontribwixxu bil-perspettiva tagħhom għas-sitwazzjoni.
Nicholas Camilleri miet għax għas-sistema, kien każ ieħor, kien numru ieħor u żdied mal-istatistika.
Din hija l-pandemija li ħadd ma jitkellem fuqha, qalet ir-Richmand, is-saħħa mentali fqira tan-nies minħabba lista infinita ta’ sitwazzjonijiet tal-ħajja li wasslet għal żieda eċċessiva fid-domanda għall-kura tas-saħħa mentali.
Minkejja dan, fis-settur mhux jiġu allokati l-fondi meħtieġa u dan juri is-sitwazzjoni gravi li ninsabu fiha, fi żmien li l-Maltin qed jitħabtu tant biex jirkupraw mentalment wara d-daqqa tal-pandemija.
Il-Fondazzjoni Richmond twaqqfet preċiżament biex lil dawn in-nies ittihom vuċi, dinjità u r-rispett filwaqt li turihom li hemm min jifhimhom u li fil-komunità jistgħu jsibu l-ħajja li tixraqilhom, bis-sostenn meħtieġ fi djar żgħar f’żoni residenzjali, mhux f’istituzzjonijiet.
Huma fakkru fis-sapport li jagħtu lil dawn in-nies f’ħajjithom sabiex jevitaw milli jseħħu traġedji bħal dawn għaliex ħadd ma jistħoqqlu jitlef ħajtu għax qed iġorr il-piż ta’ marda mentali.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-Fondazzjoni se tkompli tiġġieled l-inġustizzji ma’ dawn in-nies hekk kif ilha tagħmel għal dawn l-aħħar 30 sena sabiex il-kwalità tal-ħajja titjieb u sabiex is-soċjetà tħares lejn dawn in-nies għal li jistgħu joffruha u mhux għall-kundizzjoni li jbatu minnha.
Il-Fondazzjoni saħqet kif il-pajjiż jeħtieġ jirrikonixxi l-importanza tas-saħħa mentali u jagħtiha l-attenzjoni li jixraqilha, b’dawk li jbatu minn mard mentali u l-familji tagħhom għandhom id-dritt għas-servizzi ta’ sapport meta dawn ikunu qed ibatu.
“Nicholas, jiddispjaċina li s-sistema falliet lilek u lill-familja tiegħek. Strieħ fis-sliem, Nicholas! Mhux se nieqfu naħdmu sabiex dak li seħħ lilek, ma jiġri qatt aktar lil oħrajn.”
//= $special ?>