Internazzjonali

Ukrajna: Il-militar Russu – għalissa – qed ifalli fit-tragwardi għal Luhansk

Is-sinjali kollha huma li r-Russja trid tkompli tiġġieled ‘għal ħafna jiem oħra’ biex tavvanza mit-territorju ta’ Luhansk minbarra li tikkonsolida z-zoni li (jistgħu) jaqgħu f’idejha b’mod li ma jispiċċawx mill-ġdid taħt il-kontroll tal- Ukrajna.

Il-Gvernatur Ukren tar-reġjun ta’ Luhansk, Sergiy Gaiday, hu fiduċjuż li l-qawwiet Russi, għalissa, qed ifallu fit-tragwardi tagħhom – u wara li l-Kremlin ta’ Moska insista li t-truppi tiegħu ‘se jieħdu l-kmand tar-reġjun kollu ( fil-lvant tal-Ukrajna) sal-Ħadd li ġej, is-26 ta’ Ġunju.’

Sadanittant, l-affarijiet qed jidhru ddisprati għaċ-ċivili ta’ Lysychansk – belt fir-reġjun ta’ Severodonetsk li jifforma wkoll parti minn Luhansk. Dan peress li ċ-ċivili spiċċaw mingħajr sistemi li jippermettu għall-kollegamenti bit-telefons ċellulari. In-nies li fadal f’din il-belt huma kostretti li jgħixu għal ħafna ħinijiet fix-xelters tal-lokalità u meta lanqas ma hemm provvista tad-dawl għall-inħawi.

Jidher ukoll li l-ġlied baqa’ intensiv fil-faċilità ta’ Azot għall-produzzjoni tal-kimika  f’ Severodonetsk. Iżda r-Russi għadhom qed ibatu telf ta’ ħajja kbira fost il-militar, bl-Ukrajna tikkalkula li t-truppi Russi maqtula ‘issa’ qarrbu sew l-40,000.

Fl-istess ħin, ir-Russi qed jikkaġunaw qerda katastrofika fl-Ukrajna tal-lvant, bil-bumbardamenti – partikularment dawk fuq Lysychansk –jeqirdu l-għexieren tal-bini residenzjali.

Qabel il-gwerra kienu jgħixu mal-100,000 resident f’Lysychansk li tinsab fil-limiti ta’ Severodonetsk – reġjun li ilu l-aħħar ġimgħat indikat bħala l-akbar zona għall-battalji bejn it-truppi Ukreni u Russi.

Fi żviluppi oħra, l-Armata tar-Russja qalet li għaddejjin ix-xandiriet mit-televiżjoni Russa fir-reġjun ta’ Kherson, li tmiss mal-Krimea, u li spiċċa okkupat mit-truppi ta’ Moska waqt l-ewwel jiem tal-offensiva fuq l-Ukrajna.

Intant, Moska diġà introduċiet ir-rubli f’Kherson waqt li bdiet tiddistribwixxi l-passaporti Russi għan-nies li qed jgħixu f’dan it-territorju. Dan waqt li l-uffiċjali lokali favur Moska qed jgħidu li Kherson ‘tista’ tibda tifforma parti mir-Russja’ sa tmiem din is-sena.