Il-proċess biex l-Ukrajna tifforma parti mill-Unjoni Ewropea qabad ritmu mgħaġġel. Dan meta l-pajjiż, hu qrib ħafna li, jingħata approvazzjoni bħala kandidat għal sħubija fl-Unjoni waqt is-summit fi Brussell li jikkonkludi għada l-Ġimgħa.
L-Ukrajna kienet applikat għas-sħubija ftit jiem biss wara l-invażjoni ta’ pajjiżha mit-truppi tar-Russja u l-Ambaxxatur Ukren għall-UE, Vsevolod Chentsov, qal li l-aħħar żviluppi huma stimolu psikoloġiku għall-poplu tiegħu.
Madankollu, Chentsov ammetta li l-vera integrazzjoni tal-Ukrajna fl-UE tista’ tibda biss ladarba tispiċċa l-gwerra attwali.
L-istatus ta’ ‘pajjiż kandidat’ hu l-ewwel pass uffiċjali lejn sħubija fl-UE u jidher li hemm ‘konsensus totali (fost il-pajjiżi-membri) dwar l-Ukrajna. Madankollu jistgħu jgħaddu ħafna snin sakemm pajjiż isir uffiċjalment membru tal-Unjoni.
Intant, numru ta’ pajjiżi – l-Albanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro u s-Serbja ilhom pajjiżi kandidati għal snin, l-istess bħall-Bosnia-Herzegovina.
Madankollu, l-ambaxxataur Chentsov qal li l-Ukrajna ma taċċettax l-idea li ‘toqgħod fil-kju ( għall-isħubija)’. Hu spjega li kull Stat għandu r-road map tiegħu u ma jarax ‘għalfejn l-Ukrajna għandha tistenna’ jekk hemm ir-rieda politika u l-appoġġ tas-soċjetà biex il-pajjiż jimplimenta r-riforma meħtieġa għal sħubija uffiċjali fl-UE.
L-applikazzjoni tas-sħubija tal-Moldova wkoll kienet rakkomandata għall-approvazzjoni waqt li r-Repubblika ta’ Georgia kapaċi ssir parti mill-UE ‘ wara numru ta’ snin’.
Sadanittant, ħafna Stati tal-UE qalu li kienu lesti biex jappoġġjaw il-kandidatura tal-Ukrajna dment li jkunu fissati l-kundizzjonijiet qabel in-negozjati tas-sħubija. Il-kundizzjonijiet jinkludu r-riformi ġudizzjarji u kontra l-korruzzjoni.
Fl-istess ħin, Chentsov insista li xi riformi jistgħu jsiru anki waqt li l-Ukrajna qed tkompli għaddejja bil-gwerra u meta mgħandhiex kontroll fuq biċċiet tat-territorju tagħha.
L-UE u l-Ukrajna iffirmaw ftehim ta’ assoċjazzjoni fl-2014 u Chentsov jemmen li tkun ħaġa ‘loġika’ jekk isiru r-riformi akbar ladarba s-sitwazzjoni fl-Ukrajna ssir aktar stabbli.
Aktar kmieni fil-ġimgħa, xi diplomati tal-UE tennew l-inkwiet li l-candidate status kapaċi jqawwi qalb l-Ukreni ‘għal xejn’ minħabba li l-isħubija kapaċi tieħu ħafna snin.
Anki l-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, kien qal, ix-xahar li għadda, li l-prospett tas-sħubija għall-Ukrajna jinsab ‘snin ‘il bogħod’ waqt li s-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenbuerg, wissa li l-konflitt fl-Ukrajna kapaċi jdum ħafna fit-tul.
Iżda dawn il-kummenti ma qatgħux qalb l-Ukreni u l-ambaxxatur Chentsov, li qal li ‘ħadd ma’ jista’ jaqra l-futur’ u li ‘hemm rieda qawwija biex l-Ukrajna tirrealizza l-futur tagħha fl-UE’.
//= $special ?>

