Lokali Qorti

Wara żewġ rifjuti Malti imfittex mill-awtoritajiet Taljani fuq akkużi ta’ 10 tunnellati cannabis jingħata l-pleġġ

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Paul Attard li jinsab imfittex mill-awtoritajiet Taljani fuq akkużi dwar traffikar ta’ droga b’rabta ma’ sejba ta’ 10 tunnellati cannabis abbord basitiment.

Attard, li jaħdem fl-industrija tat-tbaħħir, kien qed jiġi mfittex fl-Italja wara li allegatament kien involut f’attivitajiet illegali ta’ traffikar. Huwa kien arrestat fit-2 ta’ Mejju, tal-2019 li għadda wara li nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tiegħu.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet laqgħet it-talba tal-awtoritajiet Taljani biex Attard jintbagħat l-Italja. Hija kienet ordnat li jibqa’ jinżamm arrestat sakemm jintbagħat l-Italja. Huwa kien appella mid-deċiżjoni iżda l-Qorti tal-Appell ma laqgħetx it-talba u kkonfermat id-deċiżjoni tal-ewwel qorti.

Id-difiża kienet fetħet kawża kostituzzjonali biex tannulla d-deżiżjoni u Attard ma jintbagħatx lejn l-Italja biex jgħaddi proċeduri. Kien għalhekk li huwa ppeżenta tliet kawżi kostituzzjonali li permezz tagħhom, l-Avukati Franco Debono, Jose Herrera, Arthur Azzopardi u Jacob Magri talbu li l-arrest jiġi rivedut sakemm jinqatgħu il-kawżi.

Dan għax argumentaw li jekk jingħata raġun u jaqa’ l-każ biex jiġi estradit lejn l-Italja, se jkun qatta’ żmien il-ħabs għalxejn. Kien fl-2021, il-Qorti tal-Appell ċaħdet it-talba ta’ Attard biex jibqa’ Malta u kienet ordnat li jintbagħat lejn l-Italja.

Wara s-sentenza mil-appell, l-avukati ta’ Attard kienu ressqu żewġ kawżi Kostituzzjonali separati quddiem żewġ imħallfin differenti, u attakkaw l-estradizzjoni tiegħu minn angoli legali differenti.. L-Avukat Franco Debono ken qal lill-Qorti li sadattant kien hemm rikuża f’każ wieħed u talba għal miżura provviżorja.

“Imbuttajna ħafna għall-ħelsien tiegħu.” “Hemm bżonn forum biex jeżamina l-arrest tiegħu,” qal l-Avukat Josè Herrera. “Allura x’għamilna? Aħna ppreżentajna talbiet għal miżuri interim quddiem il-qrati kostituzzjonali u bħalissa huma jew miċħuda jew pendenti,”

L-avukat ikkwota sentenza mhux konnessa minn Lulju 2020 li fiha l-bord tal-appelli tal-immigrazzjoni kien iddeċieda li arrest, li inizjalment kien legali, sar illegali mill-fatt li talba għal libertà proviżorja ma kinitx ġiet notifikata lill-Avukat Ġenerali fil-perjodu stipulat.

“Iċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ huma paralleli. Minflok għandna Bord u Bord tal-Appell, għandna qrati,” sostna l-Avukat Herrera. “Jekk rimedju ordinarju ma jiġix ipprovdut b’mod imħaffef, allura l-arrest huwa illegali” “Il-liġi nnifisha tipprovdi perjodi ta’ żmien… l-ispirtu tal-liġi huwa li persuna m’għandhiex tkun detenuta inutilmnet.”

Sadaniitant il-Qorti tal-Appell Kriminali ddeċidiet li tilqalu t-talba għall-ħelsien mill-arrest sakemm ikomplu jinstemgħu t-tliet kawżi kostituzzjonali. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €40,000 u garanzija personali ta’ €40,000 flimkien ma’ għadd għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom li ma jsifirx u jirrapporta l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.