Sport Sport Ieħor

Alex De Gabriele se jibda t-taħriġ fl-Istati Uniti

Alex De Gabriele, li hu wieħed mill-aktar tennisti żgħażagħ promettenti Maltin irnexxielu jlesti b’suċċess programm ta’ taħriġ fi Sqallija. Matul l-aħħar xhur De Gabriele kien qed jgħix fi Sqallija bil-għan li jkompli jtejjeb il-ħiliet tiegħu fit-tennis. Il-programm full-time kien jinkorpora fih taħriġ intensiv kif ukoll parteċipazzjoni f’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali.

Fiż-żmien li qatta’ fi Sqallija De Gabriele kkompeta darbtejn f’kompetizzjonijiet tat-tim Taljan, fejn irnexxielu jikseb promozzjoni u jasal mal-aħħar erba’ fl-2022. Alex De Gabriele ikkompeta wkoll fl-ITF Junior Competitions, fejn irnexxielu jitla’ sal-471 post tar-rankings, minkejja li ma kellux daqstant opportunitajiet jipparteċipa minħabba l-Covid-19.

Fl-aħħar xhur De Gabriele kiseb riżultat mill-aqwa f’Ċipru fejn rebaħ it-titlu tad-doubles fil-livell tal-ITF Junior, fejn wasal ukoll sal-finali fit-Turkija. Apparti is-suċċess personali barra minn Malta, Alex De Gabriele huwa wkoll parti mit-tim Malti tal-irġiel tat-tennis, wara l-ntgħażel biex ikun parti mill-kontinġent tad-Davis Cup.

Wara l-esperjenza mat-tim Malti f’Ċipru fl-2021, hu se jkun qed jirrappreżenta lil Malta aktar tard din is-sena fl-Azerbaijan, kif ukoll fil-Logħob Mediterranju fl-Alġerija u l-Juniour European Championships fl-Iżvizzera.

Issa li lesta l-programm ta’ taħriġ fi Sqallija, it-tennist Malti se jkun qed jibda l-esperjenza tiegħu fl-Istati Uniti f’Awwissu, biex ikompli jiżvilupp l-logħba tiegħu fl-Universita’ ta’ North Carolina.

Alex De Gabriele irringrazzja il-Malta Scholarship Scheme li qed tkun ta’ sostenn għal De Gabriele fl-esperjenza tiegħu barra minn Malta.