Tħobbu jew tobgħodu s-sajf… huwa importanti ferm li fil-jiem li ġejjin tevita li toħroġ f’xemx tiżreġ.
Dan hekk kif pajjiżna qed jistenna li jesperjenza mewġa ta’ sħana, bit-temperaturi kapaċi jlaħqu s-37°C… temperaturi estremi li kapaċi jirriżultaw f’konsegwenzi ħżiena.
Temperaturi għoljin jikkawżaw telf ta’ ilma mill-ġisem b’rati mgħaġġla li jirriżultaw f’deidrazzjoni, filwaqt li wieħed jista’ jesperjenza wkoll eżawriment tas-sħana jew heatstroke.
Biex jiġu evitati l-effetti tal-mewġa tas-sħana huwa importanti li:
- Tevita kull espożizzjoni bla bżonn għax-xemx waqt l-aktar perjodi sħan tal-ġurnata. Dawn normalment ikunu bejn il-11.00 a.m. u l-4.00 p.m.
- Iżżomm frisk billi toqgħod fl-aktar partijiet friski tad-dar u tal-post tax-xogħol.
- Tagħlaq il-purtieri fil-kmamar li jiffaċċjaw ix-xemx biex iżżomm l-ispazji ta’ ġewwa aktar friski.
- Tixrob ħafna ilma biex tissostitwixxi l-fluwidi mitlufa mill-għaraq, filwaqt li tiekol aktar ikel kiesaħ bħal insalati.
- Tevita likwidi li jikkawżaw deidrazzjoni. L-alkoħol, il-kafè, it-te u soft drinks bil-kaffeina jistgħu jagħmlu s-sitwazzjoni agħar.
- Tilbes ħwejjeġ ħfief u ċari.
- Tevita sforz fiżiku fl-iktar partijiet sħan tal-ġurnata, jew tagħżel attività fiżika li tista’ ssir fuq ġewwa jew tagħmel l-attività fiżika tiegħek filgħodu meta jkun l-aktar frisk.
- Timxi fid-dell, tapplika krema protettiva, u tilbes kappell jekk trid toħroġ fis-sħana.
- Qatt tħalli lil ħadd f’vettura magħluqa u pparkjata, speċjalment trabi, tfal żgħar jew annimali.
- Tfittex parir mediku jekk għandek xi tħassib.
Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd, iżda persuni partikolari għandhom riskju akbar ta’ ħsara serja, bħal nies anzjani, trabi, tfal żgħar u nies b’kundizzjonijiet kroniċi.
