“Il-Covid għadu hemmhekk għax kif qed naraw il-virus għadu jinfirex.”
Dan ikkonfermatu l-Professur tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci waqt il-programm NET Live ppreżentat minn Robert Cremona.
Charmaine Gauci qalet li bħalissa għandna varjant ieħor tal-Covid li jinsab fostna. Minkejja li dan il-virus jinfirex iktar minn varjanti ta’ qabel, dan mhux jikkawża żieda ta’ każijiet severi.
“Jekk tħares lejn x’qed jiġri, issa tlajna għal 25% positivity rate, jiġifieri wieħed minn kull erbgħa li jagħmlu swab test qed jirriżultaw pożittivi – li hi rata għolja ħafna,” qalet Gauci
Bħalissa, fl-Isptar Mater Dei hemm 65 persuna pożittiva għall-virus, bi 30 minnhom li għandhom is-sintomi… bil-35 persuna l-oħra li ttestjaw pożittivi hekk kif sarilhom test qabel ġew rikoverati fl-Isptar. Fost dan l-ammont, żewġ persuni jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva kaġun tal-Covid.
Kien għalhekk li l-Professur Gauci nsistiet biex wieħed jieħu l-booster tal-Covid hekk kif huma 34,000 persuna biss li ħadu t-tieni booster. Hi appellat biex wieħed ma joqgħodx jistenna li joħroġ vaċċin immirat iktar għal Omicron il-ġdid hekk kif għadu mhux magħruf meta dan se jingħata lill-pubbliku, bil-vaċċin li għandna bħalissa xorta waħda jilqalek xi ftit jew wisq għall-virus.
“Kull darba rajna li meta tinżel l-immunità u jkun indikat il-bżonn li tingħata doża oħra, aħna nagħmlu dan biex insaħħu l-immunità tan-nies,” qalet Gauci. “Iktar ma jkolna l-immunità għolja, iżjed se jkolna ċans nikkontrollaw is-sitwazzjoni u n-nies inqas ikunu fiċ-ċans li jkollhom kumplikazzjonijiet.”
Il-Professur Gauci kkonfermat li qed isiru medja ta’ 2,000 swab test kuljum, bis-self-tests ma jgħoddux ma’ dan l-ammont.
Hi appellat biex wieħed joqgħod attent fejn imur biex jevita l-folol u qed ikun issuġġeriet biex wieħed jilbes il-maskra fid-dawl taż-żieda tal-każijiet.
Intant, Charmaine Gauci kkonfermat kif f’pajjiżna hawn erba’ każi ta’ monkeypox. Hi qalet li l-monkeypox mhix bħall-Covid hekk kif ma tinfirix daqshekk faċli.
Kompliet li hu importanti li min għandu suspett li għandu l-monkeypox, fejn fost l-oħrajn wieħed ikollu d-deni u leżjonijiet fuq il-parti privata tiegħu u postijiet oħra bħall-ħalq u l-idejn, għandu javża minnufih lit-tabib. Dan filwaqt li wieħed għandu jiżola ruħu għal 21 ġurnata.
Gauci qalet li f’pajjiżna hawn it-testijiet li juruk fl-istess ġurnata jekk intiex pożittiv għall-monkeypox.
//= $special ?>