Lokali

“Il-Maratona ta’ Hospice Malta ta’ nhar il-Ħadd hija ta’ importanza nazzjonali” – Andrew Zammit

Bl-Imħabba Naslu.

Hija din it-tema għal maratona ta’ 12-il siegħa li nhar il-Ħadd Hospice Malta se tkun qed torganizza b’risq tant persuni fil-bżonn – maratona li se tkun qiegħda tixxandar fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali kollha.

Net News tkellem mal-Kap tar-Relazzjonijiet Pubbliċi ta’ Hospice Malta, Andrew Zammit illi spjega kif Hospice Malta qed taħdem sabiex tlesti il-proġett tas-St.Michael’s Hospice…u dan isir realtà. Proġett li se jwassal sabiex għall-ewwel darba l-Hospice ikollu l-ewwel kumpless għas-servizzi tal-kura paljattiva.

Andrew Zammit kompla jispjega x’se jkun fih dan il-kumpless il-ġdid, fejn qal li fih se tkun qed tingħata l-kura ta’ matul il-ġurnata, inkluż il-kura fil-komunità iżda mhux biss, hekk kif se jkun hemm ukoll is-servizz tal-inpatients.

Huwa saħaq li l-għajnuna tal-poplu illum, taf issarraf mhux f’għajnuna għal għada, imma għajnuna immedjata għal min hu verament bżonnha. Ghaldaqstant appella għas-sens ta’ altruwiżmu, karatteristika ewlenija tal-poplu Malti u Għawdxi.

Andrew Zammit irringrazzja l-madwar 260 volontarji li jgħinu lill-Hospice u insista li filwaqt li huwa importanti li ngħinu lil Hospice nhar il-Ħadd…l-għajnuna tista tmur lil’hinn mill-maratona tas-26 ta’ Ġunju.

Fost il-mijiet ta’ persuni li qrabathom ġew bżonn is-servizzi ta’ Hospice Malta kien hemm ukoll il-kantanta Moira Stafrace…li sfortunatament f’temp ta’ sena tilfet kemm lil ġenituri tagħha…kif ukoll lir-raġel taghha Chris.