Lokali

Il-POU b’direttivi biex il-Pulizija ma jagħmlux xogħol ta’ uffiċjali tal-LESA

“Il-Pulizija m’għandux jagħmel xogħol żejjed” – POU

Il-Pulizija m’għandhom jagħmlu l-ebda xogħol żejjed relatat ma’ Uffiċjali tal-LESA b’mod speċjali fejn għandhom x’jaqsmu inċidenti tat-traffiku fejn ma jkun weġġa’ ħadd.

Sostniet dan permezz ta’ messaġġ fuq Facebook il-Police Officers Union fejn kompliet tinforma lill-membri tagħha b’aktar direttivi fosthom li ma jkollhomx x’jaqsmu ma’ rapporti tal-kollużjonijiet li kienu jagħmlu qabel l-Uffiċjali tal-LESA.

Il-POU insistiet li l-uffiċjali tal-Pulizija m’għandhomx jerfgħu piż żejjed sempliċiment għax aġenzija oħra tinsab għaddejja b’tilwima industrijali.

L-union ħeġġet lill-membri tagħha sabiex jimxu ma’ din id-direttiva u saħqet li jekk xi ħadd jiprova jintimidahom sabiex ma jiħdux sehem jew ma jobdux l-imsemmija direttivi għandhom jagħmlu kuntatt magħha minnufih.

May be an image of text

Dan kollu jfisser li l-kriżi fi ħdan il-Ministeru ta’ Byron Camilleri qed tkompli tiżdied. Dan hekk kif fl-aħħar jiem uffiċjali tal-LESA qed isegwu direttivi maħruġa mill-General Workers Union wara li skadilhom ftehim kollettiv, filwaqt li qed jappellaw għal paga u kundizzjonijiet aħjar.

Dan filwaqt li l-membri tal-Korp tal-Pulizija qed jappellaw għall-intervent serju u f’waqtu sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas qawwi ta’ riżorsi umani li għandu l-Korp li qed jirriżulta f’overtime sfrenat u Għasses tal-Pulizija magħluqin…għad-detriment taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Iżda għall-Gvern il-Pulizija m’għandhom ebda problema…bħal ma qalilna is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru….u eks uffiċjal tal-Pulizija, Andy Ellul.