Lokali Qorti

Multa ta’ €2,000 wara li għajjar Direttur ta’ kumpanija ħalliel fuq Facebook

Raġel ġie ordnat iħallas €2,000 f’kumpens Direttur ta’ kumanija wara li fuq Facebook, iddeskrivih bħala ħalliel u kriminal. Olivin Mangion direttur ta’ kumpanija fin-negozju tas-swimming pools ħassu malafamat bil-kummenti ta’ Andrew Tabone wara li kummenti bħal dawn naqqsu r-reputazzjoni tiegħu u tal-kumpanija Pool & Spa.

Mangion qal li f’Ġunju tal-2019, fuq il-paġna “Are you being served? (Malta & Gozo) Original”, Tabone ddeskrivih bħala ħalliel u kriminal u akkużah li kien seraq lin-nanniet tiegħu. Il-Maġistrat Rachel Montebello semgħetu jispjega kif il-kumpanija tqabbdet min-nannu ta’ Tabone biex tibdel il-pompa tal-pixxina komuni ta’ blokk ta’ appartamenti.

Sena wara Tabone ċemplilhom u qalilhom li l-pompa ma baqgħetx taħdem u meta Mangion bagħat il-ħaddiema tiegħu qalulu li kellha ħsara u waqfet taħdem mhux għax kienet difettuża. Huwa ċaħad ukoll li l-pompa kienet ‘second hand’ kif allega Tabone.

Fil-Qorti Tabone saħaq li huwa neħħa l-kitba minn fuq Facebook, iżda l-Maġistrat Montebello qalet li huwa ma ġabx prova fil-Qorti li għamel dan. Qalet li qabel infetħet il-kawża Tabone kien mitlub jagħmel kuntatt maċ-Ċentru tal-Medjazzjoni biex forsi jintlaħaq ftehim iżda wara sena u ma sar xejn.

Il-Maġistrat Montebello qalet li għal Qorti huwa rrelevanti jekk il-pompa kinitx ġdida jew le, imma dak li kellha tiddeċiedi fuqu kien dwar dak li qal Tabone fuq Facebook.

Il-Maġistrat Rachel Montebello kkonkludiet li l-kliem “thief”, “criminals” u “lowest of the low” li Tabone uża fil-konfriont ta’ Mangion u l-kumpanija kienu libellużi. Saħqet li l-Qorti qed tikkundanna din ix-xorta ta’ kitba u emfasizzat, kif diġà għamlet f’diversi okkażjonijiet oħra, li l-jedd ghal-libertà tal-espressjoni ma jista’ qatt jigi interpretat biex jagħti protezzjoni lil min jippubblika l-kummenti kif ġieb u laħaq fuq il-midja soċjali bħalma huwa Facebook.

Akkużi bħal dawn huma kapaċi jħassru r-reputazzjoni ta’ individwu. Madankollu qalet li ma ġiex pruvat li l-allegazzjonijiet għamlu ħsara lill-kumpanija u qalet li l-fatt li ilu aktar minn 40 sena fin-negozju jfisser li għandu reputazzjoni b’saħħitha.