Internazzjonali

Renju Unit: Aktar disfatti għal Boris Johnson fil-by-elections

Il-Partit Konservattiv fil-Gvern u l-Prim Ministru Boris Johnson sofrew daqqiet ta’ ħarta ġodda f’żewġ by-elections oħra li ntrebħu, rispettivament, mill-Partit Liberali Demokratiku (Lib Dems) u l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni.

Madankollu, Boris Johnson għamilha ċara li se jkompli fir-rwol ta’ Prim Ministru – għalkemm fl-aħħar sigħat kien ikkonfermat li Oliver Dowden irriżenja minn Co-Chairman tal-Partit Konservattiv b’effett immedjat.

Il-Lib Dems kisbu s-suċċess elettorali f’Tiverton and Honiton, f’Devon, fejn qalbu vantaġġ ta’ 24,000 vot għat-Tories bi swing ta’ 30 fil-mija.

Il-kap ta’ dan il-partit, Ed Davey, qal li din kienet l-akbar rebħa għall-partit tiegħu fi kwalunkwe by-election fir-Renju Unit – bil-kandidat lokali tal-Lib Dems, Richard Foord, itenni li r-riżultat għandu jitqies bħala theżżiża fil-politika domestika.

Sadanittant, il-Laburisti rebħu l-by-election ta’ Wakefield, f’West Yorkshire, wara li kienu tilfu dan is-siġġu lill-Konservattivi fl-elezzjoni ġenerali tal-2019.

Fl-istess ħin, diversi ilħna influwenti qed jesiġu biex Boris Johnson iwarrab mit-tmexxija tal-Konservattivi – u effettivament bħala Prim Ministru.

Iżda sar dejjem aktar diffiċli biex il-partit fil-Gvern jagħżel kap ġdid, meta kien biss fis-6 ta’ Ġunju li ttieħed vot ta’ fiduċja f’Johnson fi ħdan il-partit u li kien intrebaħ mill-Prim Ministru.

Dan il-vot kien organizzat mill-Kumitat tal-1922 tad-deputati backbenchers tat-Tories u – għalkemm xejn mhu possibbli f’dan il-punt —  ir-regoli tal-Partit Konservattiv jesiġu li kwalunkwe kap li jirbaħ vot ta’fiduċja għandu jserraħ rasu minn azzjoni simili mill-membri tal-partiti għal sena waħda.