Internazzjonali

Renju Unit: Azzjonijiet industrijali li se jaffettwaw l-ivvjaġġar matul is-sajf

Il-Britanniċi – u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra – li qegħdin jittamaw li jsiefru għall-btajjel matul il-jiem li jmiss se jħabbtu wiċċhom ma’ kaos u konfużjoni kbira f’dak kollu li jikkonċerna l-ivvjaġġar fir-Renju Unit.

Is-sitwazzjoni mistennija tibqa’ għal diversi ġimgħat tas-sajf – u speċjalment wara li l-ħaddiema tal-British Airways, ibbażati fl-ajruport ta’ Heathrow, ivvutw favur is-strajks waqt tilwima attwali dwar il-pagi.

Mistenni li, b’kollox, mas-700 ħaddiem – membri tal-istaff taċ-check-in u ta’ taqsimiet oħra relatati mal-pubbliku fl-ajruport ewlieni ta’ Londra – se jissieħbu fl-azzjoni industrijali. Dan meta l-akbar strajks huma skedati għall-eqqel tas-sajf meta l-istaġun tat-turiżmu, is-soltu, ikun l-aktar attiv.

Jidher, intant, li l-British Airways – li qed topera minn terminals 3 u 5 f’Heathrow – għandha l-pjani biex tipprovdi staff ta’ emerġenza għal waqt l-azzjonijiet industrijali. Intant, fost dawn il-ħaddiema għall-emerġenzi se jkun hemm ukoll il-managers li jieħdu ħsieb iċ-check-ins tal-passiġġieri.

Madankollu, jidher xorta li s-sitwazzjoni se tkun waħda ‘imħarbta’ għall-passiġġieri – speċjalment f’terminal 5 – fost possibbiltà kbira li jibqgħu jitħassru numru sostanzjali ta’ titjiriet.

Għexieren ta’ eluf ta’ passiġġieri diġà batew il-konsegwenzi ta’ dawn il-problemi fl-ajruporti – minbarra li batew ukoll l-inkonvenjent tat-titjiriet li tħassru fl-aħħar ġranet.

L-azzjonijiet industrijali qed jestendu wkoll għal sezzjonijiet oħra tat-trasport pubbliku fir-Renju Unit – meta nofs in-network tal-ferroviji jinsab magħluq fl-Ingilterra, l-Iskozja u Wales.

Dan meta għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema mal-kumpanniji tal-ferroviji qegħdin jieħdu azzjoni dwar il-pagi, bidliet fil-prattiċi tax-xogħol u ‘sitwazzjoni ta’ prekarjat’.

F’din is-sitwazzjoni qed jaħdmu biss ferrovija waħda minn kull ħamsa – b’numru ta’ zoni jinsabu mingħajr ferrovija.

Fl-istess ħin hemm l-arranġamenti speċjali fl-Istazzjon ta’ Paddington biex tingħata forma ta’ servizz lill-Britanniċi – u t-turisti – li qed jattendu l-Festival tal-Mużika ta’ Glastonbury, f’Somerset.