Internazzjonali

Stati Uniti: Is-Senat japprova l-ewwel abbozz dwar l-armi tan-nar f’għexieren ta’ snin

Is-Senat f’Washington għadda abbozz ta’ liġi dwar il-kontroll tal-armi tan-nar — bil-pass qed jitqies bħala l-aktar leġislazzjoni sinifikanti li jitratta dawn l-armi għal kważi 30 sena.

L-abbozz approvat jimponi evalwazzjonijiet aktar riġidi tal-Amerikani ta’ età żgħira li jridu jixtru l-armi tan-nar — minbarra li jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Istati rispettivi biex ineħħu l-armi lill-persuni kunsidrati bħala theddida.

Intant, l-abbozz jirrifletti żvilupp rari għall-miżuri għall-kontroll tal-armi tan-nar li ntlaħaq bl-impenn tal-partiti fis-Senat. Dan meta 15-il membru Repubblikan tas-Senat ingħaqdu mad-Demokratiċi biex japprovaw l-abbozz.

Intant, l-istess abbozz xorta jeħtieġ l-approvazzjoni tal-kamra t’isfel tal-Parlament Amerikan qabel il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, jista’ jiffirmah bħala liġi.

Fil-fatt, mistenni li l-vot l-ieħor jittieħed mill-aktar fis mill-Kamra tar-Rappreżentanti li hi kontrollata mid-Demokratiċi. Dan wara li l-President Biden ħeġġeġ biex isir vot malajr dwar l-abbozz minkejja li dan ma jissodisfax id-domandi kollha tiegħu.

Fil-fatt, l-attivisti favur il-kontroll tal-armi u l-parti kbira tad-deputati tal-Partit Demokratiku jixtiequ li jaraw il-kontrolli jerġa’ aktar esiġenti għall-pussess tal-armi tan-nar.

L-abbozz għadda wara li x-xahar li għadda, fl-Istati Uniti, saru żewġ sparaturi li ħallew numru allarmanti ta’ vittmi. L-ewwel sparatura kienet seħħef f’supermarket ta’ Buffalo fi New York u bl-inċident qattiel l-ieħor iseħħ fi skola primarja f’Uvalde, fl-Istat ta’ Texas. F’dawn l-isparaturi kienu nqatlu 31 persuna innoċenti.