Lokali Qorti

Trattament inuman mit-tmexxija ta’ Mater Dei fuq speċjalista għax huwa persuna b’diżabilità

L-Imħallef Grazio Mercieca kellu kliem iebes għat-tmexxija tal-isptar Mater Dei għal mod ta’ kif erba’ snin ilu ġie trattat l-ispeċjalista Naged Megally u dan għax sempliċiment huwa persuna b’diżabilità. Waqt li huwa kien qed jara l-pazjenti tiegħu ħarġet ordni biex Megally jinġarr il-barra mill-kamra fejn kien qed jara n-nies biex jużaha ħaddieħor.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili qalet li dak kollu li għadda minnu Megally jammonta għal trattament inuman u degradanti, u li l-azzjonijiet kontrih “huma verament ta’ għajb kbir, iktar u iktar għaliex inflitt minn membri tal-professjoni medika.”

Il-Qorti ordnat biex l-speċjalista li jaħdem fid-Dipartiment tal-Obstetrija u l-Ġinekoloġija fl-isptar Mater Dei jingħata kumpens ta’ €5,000 wara li ġie trattat b’mod “inuman u degradanti” quddiem il-pazjenti tiegħu stess.

L-ispeżjalista Megally, li għandu diżabbiltà fiżika u juża siġġu tar-roti, fetaħ proċeduri fil-Qorti kontra t-tmexxija tal-isptar minħabba li allegatament ġie diskriminat minħabba l-kundizzjoni tiegħu. Huwa qal li f’Lulju tal-2018, waqt li kien qed jagħmel ultrasound lill-pazjenta tiegħu, daħal fil-kamra l-Professur Yves Muscat Baron, li huwa l-kap tad-dipartiment, u ordnalu joħroġ ‘il barra ħalli l-kamra tintuża minn ħaddieħor.

Megally talbu biex l-ewwel jitħalla jlesti l-viżti li kellu, iżda l-vittma qal li s-superjur tiegħu rrifjuta għax qallu li qed idum ma jlesti minħabba d-diżabbiltà tiegħu, u ordna lil ħaddiema tal-isptar biex fiżikament iġorruh ‘il barra mill-kamra. Dan l-inċident kien ikkonfermat minn pazjenta stess li dak il-ħin Dr. Megally kien qed jinvista.

Megally allega li l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar ta’ dak iż-żmien, Ivan Falzon, heddu biex ma jkomplix bl-ilment tiegħu dwar din il-kwistjoni, u qal li kien heddu li jekk hu kien se jkabbar l-istorja kien se jitlef ix-xogħol tiegħu.

L-ispeżjalista ressaq ilment formali mal-Ministeru tas-Saħħa, li ordna li ssir inkjesta interna. L-inkjesta sabet li Megally ma kienx ġei diskriminat. Madanakollu hu jallega li l-inkjestama kinitx ġusta għax il-persuni magħżula fil-bord kellhom jinvestigaw lis-superjuri tagħhom stess.

L-ispeċjalista qal ukoll li ma kien hemm l-ebda trasparenza ta’ kif seħħew l-affarijiet fosthom li l-bord ma bagħatx għax-xhieda li indika hu, u li minkejja li talab li jingħata rapport sħiħ tal-eżitu tal-inkjesta, dan ukoll ġie rrifjutat.

Biex ikomplu jaqbdu miegħu, ħareġ ukoll li sakemm kienet għaddejja l-kawża fil-Qorti saru allegazzjonijiet li Megally kien qiegħed jagħmel l-iżbalji peress illi għandu diżabbiltà u finalment ġie sospiż minn xogħlu f’Ottubru tas-sena l-oħra. Il-Professur Muscat Baron xehed li l-ispeċjalista spiċċa sospiż minħabba nuqqasijiet, fuq rakkomandazzjoni tiegħu stess, xi ħaġa li Megally dejjem ċaħad.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li ġie stabbilit li Megally huwa professjonist li kapaċi jaqdi dmiru bħal ħaddieħor, u li huwa kien ġie żgumbrat mill-klinika u sospiż minn xogħlu unikament minħabba d-diżabbiltà tiegħu. Għalhekk il-Qorti ordnat li s-sospensjoni tiġi rtirata u li Megally jingħata lura x-xogħol li kellu, kif ukoll li t-tmexxija tal-isptar tħallsu €5,000 f’kumpens għad-danni.