Internazzjonali

Ukrajna: Il-qawwiet ta’ Zelensky ordnati biex jirtiraw minn Severodonetsk

Il-qawwiet Ukreni fl-inħawi ta’ Severodonetsk, fl-aħħar sigħat, ingħataw id-direttivi biex jirtiraw minn din il-belt importanti fil-lvant tal-Ukrajna.

Dan wara li Severodonetsk – li ilha l-aħħar ġimgħat bħala ‘l-epiċentru’ tal-gwerra fl-Ukrajna – kellha tgħaddi minn ġimgħat ta’ bumbardamenti li rriduċew il-belt f’munzelli ta’ radam, fost it-telf ta’ ħajja kontinwu.

Il-bumbardamenti huma parti mill-offensiva li l-qawwiet tar-Russja qegħdin iwettqu fuq Severodonetsk u meta l-Kremlin ta’ Moska jinsab determinat biex jaħtaf il-kontroll sħiħ f’dak ir-reġjun tal-Ukrajna.

L-irtirar tat-truppi Ukreni minn Severodonetsk għandu jkun partikularment sinifikanti għaliex iħalli lir-reġjun sħiħ ta’ Luhansk – ħlief għall-belt ta’ Lysychansk – taħt il-kontroll tar-Russi.

Ir-reġjun ta’ Luhansk – fejn il-maġġoranza tar-residenti jitkellmu bir-Russu – hu priorità assoluta għall-President Russu Vladimir Putin li, qabel l-invażjoni tal-Ukrajna, kien iddikjaraha bħala ‘Repubblika indipendenti’.

Dan ir-reġjun u r-reġjun ta’ Donetsk, jikkostitwixxu r-reġjun akbar tad-Donbas – medda kbira ta’ art li tinkludi diversi industriji u fejn is-separatisti armati favur Moska ilhom attivi mill-2014.

Il-President Putin, intant, qed jipprova jqarraq bl-istqarrijiet li ċ-ċittadini fid-Donbas li jitkellmu bir-Russu spiċċaw ‘il-vittmi ta’ ġenoċidju’ – u meta hu qed juża din il-gidba bħala ġustifiakzzjoni għall-invażjoni tal-Ukrajna.

Intant, l-Ukrajna – b’mod partikulari l-President Volodymyr Zelensky —  qed takkuża lil Moska dwar ġenoċidju kontra l-poplu Ukren, meta l-qawwiet ta’ Moska qegħdin jattakkaw u jibbumbardjaw lid-distretti taċ-ċivili ( fl-Ukrajna) mingħajr ħniena.

Fl-aħħar sigħat, il-qawwiet Russi kważi ċċirkondaw għal kollox il-belt ta’ Severodonetsk u meta huma qed jikkonċentraw ukoll l-offensiva fuq l-inħawi ta’ Lysychansk.

Dan fost il-bumbardamenti kontinwi u bla heda fuq iz-zona partikulari – bit-truppi Ukreni jirċievu d-direttivi minn Kiev biex jirtiraw lejn pożizzjonijiet ġodda minfejn jistgħu jkomplu jirreżistu lill-Armata ta’ Putin.

Intant, il-Kap tad-distrett ta’ Severodonetsk, Roman Vlasenko, qal, fl-aħħar sigħat, li t-truppi Ukreni ‘kienu għadhom f’din il-belt’ fost l-indikazzjonijiet li l-irtirar tal-qawwiet tal-Ukrajna miz-zona jista’ ma jseħħx qabel diversi jiem oħra.

Dan meta l-infrastruttura sħiħa ta’ Severodonetsk spiċċat meqruda kompletament waqt l-offensiva tar-Russi – b’ aktar minn 80 fil-mija tad-djar f’din il-belt iġarrbu l-ħsarat kritiċi.

Intant, l-indikazzjonijiet huma li mijiet ta’ ċivili jinsabu fil-faċilità ta’ Azot għall-produzzjoni tal-kimika (f’Severodonetsk), fejn qegħdin jistkennu mill-missili tar-Russi. Hu minnu wkoll li l-popolazzjoni f’din il-belt naqset bil-kbir waqt l-invażjoni tar-Russja u meta f’Severedonetsk, qabel, kienu jgħixu mal-100,000 persuna.