Lokali Qorti

Żagħżugħ mixli li hu u missieru ferew gravi lil boyfriend il-ġdid tal-eks tfajla tiegħu

Żagħżugħ ta’ 24 sena u missieru ta’ 51 sena, t-tnejn minn Ħal Tarxien tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella mixlijin li daħlu fir-residenza ta’ tfajla u sawwtu lill-boyfiend tagħha u kkaġunawlu feriti gravi. Sa ftit ilu Justin Degabriele kien joħroġ mat-tfajla tal-allegat vittma.

Justin u missieru Lawrence Degabriele ġew mixljin li nhar l-Erbgħa, 22 ta’ Ġunju bejn l-10am u l-11am marru fiż-Żejtun fejn toqgħod it-tfajla u mingħajr il-ħsieb li joqtlu lill-boyfriend il-ġdid tagħha sawwtuh billi tawh diversi daqqiet ta’ ponn u kkaġunawlu ġrieħi gravi. Mill-provi rriżulta li ma ntużawx armi waqt din l-aggressjoni. Huma ġew akkużati wkoll li kisru l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

Minn informazzjoni li għandu NET News jidher li minbarra il-missier u l-iben membri oħra tal-familja Degabriele kienu fir-residenza tat-tfajla meta seħħet il-ġlieda, nkluża omm iż-żagħżugħ u l-mara ta’ missieru. Iż-żagħżugħ waħdu ġie mixli wkoll li għamel ħsara fi ħwejjeġ ħaddieħor ta’ anqas minn 2,500 ewro imma aktar minn 250 ewro.

Justin Degabriele ġie mixli wkoll li kkaġuna biża fil-konfont tal-eks tfajla tiegħu, liema biża kienet sal-punt li se tintuża vjolenza kontriha u kontra l-propjetà tagħha. Ġie mixli wkoll li kellu l-intenzjoni jikkommetti ħsara fuq il-propjetà tal-vittma, wettaq vjolazzjoni fil-propjetà ta’ ħaddieħor u li sar reċidiv b’diversi sentenzi tal-Qrati tal-Maġistrati.

Skont il-prosekuzzjoni l-familja Degabriele faqgħet il-bieba tar-residenza tat-tfajla ġewwa u dan wara li sar rapport lill-Pulizija li kien hemm argument u storbja fi sqaq fiż-Żejtun. Minn stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li t-tfajla kienet mal-boyfriend fir-residenza tagħha, u wara li l-bieb ġie sfurzat ġewwa ġie aggredit iż-żagħżugħ.

L-allegat vittma allega mal-Pulizija li l-missier beda jżommu biex jagħmilha aktar faċli sabiex ibnu jagħtih bil-ponn. L-akkużati marru fl-Għassa tal-Pulizija volontarjament u ġew arrestati. Meta saru s-sottomijonijiet għall-pleġġ, il-prosekuzzjoni li opponiet qalet li l-vittmi kienu aggrediti fir-residenza tagħhom, li jagħmel il-każ aktar inkwetanti.

Madankollu d-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb qalu li l-akkużati u l-allegati vittmi jgħixu f’lokalitajiet differenti u li l-akkużati għandhom impieg li wieħed irid jipproteġi. Il-Maġistrat Gabriella Vella laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ 500 ewro kull wieħed u garanzija personali ta’ 5,000 ewro.

Huma ġew ordanti wkoll li ma jersqux lejn iż-Żejtun u li jifirmaw fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ġimgħa. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Doriette Cuschieri u Jonathan Cassar.