Lokali

Arrestat fiż-Żejtun wara li nstab li kellu b’€180,000 f’kokaina

Ilbieraħ fiż-Żejtun għall-ħabta tas-6pm ġie arrestat raġel ta’ 32 sena residenti Raħal Ġdid, b’rabta ma’ traffikar tad-droga kokaina b’valur fit-triq ta’ madwar €180,000.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li waqqfu lir-raġel waqt li kien qiegħed isuq fi Triq tal-Barrani, Żejtun. Hemm saret tfittxija fil-vettura u fiha nstabu żewġ kilos ta’ sustanza bajda, allegatament droga kokaina.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum, għal xi s-1.30pm, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.