Lokali

Byron Camilleri jibqà jaħrab id-domandi ta’ Net News

Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri bhalissa jinsab fl-eqqel ta’ battibekki – kemm mal-Unions tal-Pulizija, kif ukoll mal-ufficjali tal-LESA.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet illi saret is-Sibt filgħodu Net News staqsa lill-Ministru dwar in-nuqqas kbir fin-numru ta’ uffiċjali tal-Korp tal-pulizija, iżda Byron Camilleri minflok ma tana pjan konkret ta’ x’se jiġri .. qalilna li t-talbiet tal-Unions qegħdin jiġu indirizzati.

Dan wara li l-Unions tal-Pulizija ilhom xhur sħaħ jitolbu lill-Gvern għal soluzzjoni fin-nuqqas kbir fin-numru ta’ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija. Minn kliem il-Ministru jidher ċar li l-appell tagħhom waqa’ fuq widnejn torox għaliex sa issa għadu ma sar assolutament xejn.

Il-Police Officers Union iddeskriviet din il-poblema bħala waħda ddisprata… izda l-Ministru Byron Camilleri xorta waħda baqa’ cass quddiem dan kollu u ma tana l-ebda soluzzjoni dwar kif se tiġi indirizzata din il-problema.

Wara l-konferenza tal-aħbarijiet… erġajna pruvajna nagħmlu l-istess mistoqsija lil Ministru, fejn tlabnih ikun aktar ċar fi kliemu u jgħidilna b’kemm għandu jiżdied l-ammont ta’ Pulizija fil-korp u meta se jiġri dan … Iżda l-Ministru baqa’ jilgħab bid-diskors.

Intant, meta staqsejnih fuq is-sitwazzjoni preżenti li sabu ruħhom fiha il-ħaddiema tal-LESA, li ilhom xhur sħaħ jappellaw għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol u paga aħjar .. Byron Camilleri qal li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet.

Dan filwaqt li l-Ħaddiema tal-LESA għadhom għaddejijn bi strajk, sitwazzjoni li qed toħloq problema li mistennija tkompli fil-jiem li ġejjin.