Sport Waterpolo

Faċli iktar milli mistenni għal San Ġiljan … Marsaskala u Valletta jirbħu fl-Ewwel Diviżjoni

(Ritratt: Joseph Galea)

Rapport: Stewart Said

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…. 13

SIRENS MECCA MARINE…….. 5

(3-1), (5-1), (4-2), (1-1)

Il-Ġiljaniżi komplew jibnu fuq ir-rebħa importanti tal-Erbgħa li għadda kontra Sliema. Din id-darba ġabu fix-xejn lil Sirens Mecca Marine, f’konfront li kkontrollaw mingħajr diffikultà. Neqsin għalihom kien hemm Peter Borg u Jake Bonavia. Sirens żgur li kapaċi jilagħbu aħjar iżda kienu traskurati ħafna f’diversi attakki.

Żewġ penalties ta’ Andreas Galea u gowl minn man-up ta’ Mattias Ortoleva taw vantaġġ tripplu lil San Ġiljan, b’Jerome Zerafa Gregory inaqqas id-distakk. Id-distakk bejn it-tnejn kompla jikber meritatament, b’Nikolai Zammit u Mattias Ortoleva jiskorjaw tnejn kull wieħed fit-tieni sessjoni.

B’distakk ta’ 8-2, iż-żewġ timijiet kienu jafu d-destin tagħhom. San Ġiljan komplew ikabbru l-vantaġġ tagħhom b’doppjetta ta’ Nikolai Zammit u gowl ieħor ta’ Galea.

Il-kowċ Ġiljaniż Zeljko Kovacic kompla jserraħ lill-aħjar elementi tiegħu bħal Matthew Zammit u Andreas Galea, b’Ben Plumpton ma kienx utilizzat wisq. L-aħħar sessjoni kienet iktar kalma b’Sirens speċjalment ifallu diversi okkażjonijiet ta’ superjorità numerika.

San Ġiljan: J. Tanti, K. Grech, A. Galea (3), N. Schiavone (1), R. Caruana, M. Zammit (1), B. Plumpton (1), D. Tully, N. Bonavia, N. Zammit (4), D. Zammit, N. Bugelli, G. Vassallo, M. Ortoleva (3), D. Fero

Sirens: T. Micallef, P. Serracino, K. Erdogan, J. Sciberras (1), J. Zerafa Gregory (2), G. Farrugia (1), M. Chircop, I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras (1), M. Azzopardi, M. Bonello Dupuis, G. Melillo, K. Agius

Referees: Andrea Baretta, Neville Mercieca

TA’ XBIEX AMIGOS…………….. 6

M’SKALA FISH AND FISH……. 10

(3-2), (1-2), (1-3), (1-3)

Marsaskala Fish and Fish tħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Ta’ Xbiex. Il-logħba kienet bilanċjata, b’Marsaskala jieħdu l-kontroll tal-logħba lejn tmiem it-tielet sessjoni biss.

Ta’ Xbiex kellhom il-vantaġġ darbtejn fl-ewwel sessjoni wara li Mark Carani kien fetaħ l-iskor għal Marsaskala u Malcolm Manara kien ġab id-draw momentarju. Marsaskala rkupraw l-iżvantaġġ fit-tieni sessjoni b’gowls ta’ Raoul Greco u Kyle Navarro, b’Zak Cutajar Licari kien ħalla lil Ta’ Xbiex momentarjament fil-vantaġġ.

Il-bilanċ baqa’ jirrenja fit-tielet sessjoni sakemm Kyle Navarro għamilhom 7-5. Minn hemm, Marsaskala bdew jikkontrollaw il-logħba u saħansitra kabbru l-vantaġġ fl-aħħar sessjoni għal 9-5. Engerer naqqas id-distakk b’Mark Carani jissiġilla r-rebħa.

Ta’ Xbiex: R. Coleiro, C.J. Saliba, E. Aquilina (1), J. Pace Mizzi, T. Camilleri, S. Engerer (2), J. Saliba (1), J. Cassar, E. Schembri (1), Z. Cutajar Licari (1), B. Attard Littschwager, J. Chircop, D. Galea Mule, P. Tabone, T. Fenech

Marsaskala: J. Micallef, L. Falzon, A. Camenzuli, P. Privitera, R. Greco (1), G. Galea, K. Navarro (2), M. Manara (1), D. Pace Lupi (1), G. Sammut (1), J. Ciantar (1), M. Carani (3), A. Muscat, S. Fava, F. Scardino

Referees: Andrea Baretta, Peter Balzan

MARSAXLOKK BROWN’S….. 4

VALLETTA IZIBET……………. 11

(1-1), (0-3), (2-4), (1-3)

Valletta Izibet wieġbu għar-rebħa ta’ Marsaskala fil-logħba preċedenti, b’rebħa komda kontra Marsaxlokk Brown’s Pharma. Il-prestazzjoni ta’ Valletta ma kinitx l-aqwa waħda iżda kienet altru minn biżżejjed biex jiksbu t-tliet punti.

Michele Mifsud fetaħ l-iskor favur Valletta sakemm Luigi Mallia wieġeb għal Marsaxlokk. Id-distakk kiber għal tliet gowls favur Valletta fit-tieni sessjoni b’gowls konsekuttivi ta’ Zachary Micallef, Michele Mifsud u Nicholas Farrugia.

Minkejja dan id-distakk, Marsaxlokk kienu għadhom fil-logħba u li kieku ma żbaljawx f’diversi passaġġi fl-attakki tagħhom, id-distakk kien ikun eqreb. F’mument minnhom tul it-tielet sessjoni, ir-riżultat kien ta’ 5-3, iżda doppjetta minn Mifsud u gowl ieħor ta’ Micallef, aċċertaw ir-rebħa għal Valletta.

Fl-aħħar sessjoni huma komplew jikkontrollaw u anki kellhom l-opportunità li jkabbru r-rebħa.

Marsaxlokk: S. Mifsud, R. Spiteri, C. Cutajar, B. Zammit, T. Agius, D. Bugeja, M. Zammit, L. Mallia (1), L. Saliba, R. Galea (2), J. Valletta, E. Mallia (1), M. Farrugia

Valletta: B. Busuttil, N. Farrugia (3), T. Said, L. Hyzler, S. Busuttil, Z. Micallef (2), D. Paolella, M. Mifsud (4), S. Micallef, A. Agius, K. Cremona, M. Pace, A. Bugeja, L. Felice (2), R. Attard

Referees: Matteo Giacchini, Alex de Raffaele

Logħob li jmiss

It-Tlieta

L-Ewwel Diviżjoni: Barracudas v Ta’ Xbiex  6.15pm

Kampjonat Premier: San Ġiljan v Birżebbuġa 7.20pm, Neptunes v Sliema 8.25pm