Lokali

“Inħarsu ’l quddiem…”

12-il persuna gradwaw wara li temmew b’suċċess programm ta’ Caritas Malta

“Inkomplu nħarsu ’l quddiem b’tama ġdida. Inkomplu naħdmu bla heda… Ejja nħallu t-tuffieħa f’postha.” – Kien dan il-messaġġ ta’ Anthony Gatt, id-Direttur ta’ Caritas Malta, waqt il-Gradwazzjoni tal-2022 f’San Blas waqt iċ-ċerimonja tal-ogħti taċ-ċertifikati.

Bit-tema “Inħarsu ’l quddiem…”, matul iċ-ċerimonja kienu ċċelebrati wkoll il-gradwati tas-sena 2021 u 2020 li minħabba l-pandemija ma setgħax ikollhom din l-esperjenza qabel.

Matul id-diskors tiegħu, id-Direttur tal-Caritas wassal messaġġi b’saħħithom dwar sitwazzjonijiet inkwetanti li għandna f’pajjiżna.

Dan meta saħaq li Caritas ta’ kuljum tħares f’wiċċ id-droga, il-faqar materjali u anke soċjali… f’wiċċ it-traġejda, il-qerda, l-overdoses, u xi drabi anke f’wiċċ il-mewt. Hu saħaq li r-realtá tad-droga tibqa’ magħna mingħajr ma tbatti fejn il-kultura tad-drogi għar-rikreazzjoni dieħla dejjem iktar bis-saħħa.

Anthony Gatt spjega kif 45% tal-klijenti li jfittxu l-għajnuna minħabba d-droga ikollhom problema bil-kokaina; 25% ikollhom problema ta’ eroina u 20% oħra ikollhom problema bil-cannabis. Hu spjega kif minn sena għall-oħra qed naraw żieda fl-użu tal-kokaina u l-cannabis u t-tnaqqis fl-użu tal-eroina.

U meta illum nafu li 20% tal-kanċer u kawża diretta tat-tipjip… Gatt stqar li “bla dubju għada pitgħada biż-żieda tal-użu tal-cannabis ser ikollna iktar problemi psikjatriċi bħalma rajna żidiet fil-problemi tas-saħħa meta żied il-konsum tat-tabakk.”

Matul l-attività f’San Blas, ingħataw dettalji dwar iċ-Ċentru Terapewtiku tal-Adolexxenti tal-Ibwar u l-Caritas Community Centre. Żewġ ċentri li qed jaqdu b’tant dinjità lil tant familji flimkien mal-firxa ta’ servizzi eżistenti. F’sena biss, ingħata servizz speċjalizzat lil 16-il żgħażagħ li kellhom bżonn servizz residenzjali; 51 fuq bażi ta’ outpatient u 42 membru tal-familja.

Mill-Caritas Community Centre fil-Blata l-Bajda, fil-każ tas-servizzi outpatient għall-adulti fl-2021 ingħata servizz lil 711-il persuna bi problema ta’ droga. Madwar 1000 persuna oħra rċevew servizz ta’ assistenza soċjali. Fil-każ tal-programmi residenzjali ta’ riabilitazzjoni mid-droga Caritas rat 143 persuna. Il-lejla ta’ gradwazzjoni ta’ persuni li temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni mill-użu ta’ droga kienet ippreseduta mill-President ta’ Malta George Vella, filwaqt li l-Arċisqof Charles J. Scicluna għamel riflessjoni f’din l-okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni ta’ ħajja.