Futbol Sport

Nottingham Forest jiffirmaw lil Taiwo Awoniyi mingħand Union Berlin

(Ritratt: EPA)

Nottingham Forest wetqu trasferiment rekord għall-klabb hekk kif irnexxielhom jiffirmaw lill-attakkant Niġerjan Taiwo Awoniyi għas-somma ta’ £17.5 miljuni mingħand Union Berlin tal-Ġermanja.

Awoniyi, li għandu 24 sena, kien fuq il-kotba ta’ Liverpool għal diversi snin hekk kif ta’ 17-il sena huwa ffirma mar-Reds mingħand Imperial Soccer Academy tan-Niġerja iżda kien mill-ewwel misluf fil-Ġermanja lil FSV Frankfurt. Minn dakinhar huwa baqa jkun misluf għal seba’ staġuni konsekuttivi sakemm fl-aħħar esperjenza tiegħu b’self ma’ Union Berlin impressjona, tant li l-istaġun li għadda xtrawh b’mod permanenti għal £6.5 mijuni mingħand Liverpool.

L-istaġun li għadda kien l-aktar wieħed ta’ suċċess għall-Awoniyi hekk kif minn 31 logħba sab ix-xibka 15-il darba fil-Bundesliga biex għen lil Union Berlin jiksbu l-ħames post u kwalifikazzjoni għall-Uefa Europa League wara nuqqas ta’ 20 sena.

(Ritratt: EPA)

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu Awoniyi qal li minn dejjem kienet il-ħolma tiegħu li jigħab fil-Premier League u li wara li tkellem mal-kowċ Steve Cooper dwar l-ambizzjonijiet tat-tim, mill-ewwel xtaq li jkun parti minn dan il-klabb glorjuż. Huwwa ffirma kuntratt ta’ ħames snin.

Fil-jiem li ġejjin Forest mistennija jikkonkludu wkoll l-akkwist tal-goalkeeper ta’ Manchester United Dean Henderson b’self sa tmiem l-istaġun