Ambjent Lokali

“Nuqqas ta’ pjanar qed jikkawża żbroff ta’ drenaġġ”

In-nuqqas ta’ ħsieb u pjan fl-Infrastura issa qed iħalli impatt fuq l-ibħra u l-ambjent tagħna. Dan hu dak li qalu magħna numru ta’ persuni wara li fl-aħħar jiem kien hemm żbroff ta’ drenaġġ f’numru ta’ zoni fil-baħar ta’ Tas-Sliema dan hekk kif fl-aħħar sigħat id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, avża li sakemm joħroġ avviż ieħor mhux rakkomandat li jsir għawm minħabba żbroff tad-drenaġġ fil-Bajja ta’ Fond Għadir.

Fi stqarrija tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ntqal li l-investigazzjonijiet mill-uffiċjali tal-istess direttorat rigward din il-problema ghadhom għaddejjin.

F’kummenti li għadda s-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow sar appell biex l-awtoritajiet jisimgħu l-karba tal-Islimiżi u dawk kollha li jagħmlu użu minn din iz-zona.

Huwa qal li din il-problema mhux biss inkonvenjent għal min irid juża l-bajja, iżda taf tkun kawża ta’ mard ulterjuri. Is-Sindku ta’ Tas-Sliema fakkar li r-residenti qed ibatu l-konsegwenzi għal 24 siegħa kuljum.

Fil-ġimgħat li għaddew kien hemm żbroff tad-drenaġġ fil-Bajja ta’ Qui Si Sana f’Tas-Sliema, żbroff ta’ drenaġġ fi Triq Wilġa, f’San Ġiljan u anki problemi kbar ta’ drenaġġ f’waħda mis-subways ta’ Triq Sant’Anna fil-Floriana…. u għalhekk ħafna wara dan kollu qed jistaqsu x’inhu r-raġuni li qed jikkaġuna dan kollu.

Infatti s-soċjologu Michael Briguglio fuq Facebook qal li hu, flimkien ma’ ħafna oħrajn, ilhom jistaqsu jekk l-infrastruttura tal-lokalità tiflaħx għall-iżvilupp li qed isir.

Huwa qal li dawn id-domandi qed isiru minn għadd ta’ ambjentalisti.

Sadanittant, il-persuni li tkellmu ma’ Net News saħqu li minkejja li qed isiru xogħlijiet minn Infrastructure Malta f’diversi toroq, sa issa għadna ma nafux x’inhu jikkaważa dan kollu. Evidenti iżda li din il-problema ilha għaddejja żmien twil, u l-istqarrijiet li qed jinħarġu qatt ma jingħad x’inhu dak li tassew qed jikkawża dan kollu. Residenti minn Tas-Sliema u anki San Ġiljan qalu li dan kollu hu riżultat ta’ nuqqas ta’ ppjanar, tant li s-sistema tad-drenagg f’din iz-zona f’waqtiet mhux qed tlaħħaq.