Lokali Qorti

Raġel b’rabta ma’ sejba ta’ żewġ kilo’s kokaina fil-karozza – jingħata l-pleġġ

Raġel ta’ 32 sena residenti Raħal Ġdid ġie mixli li nhar il-Ġimgħa nstabu fil-pusses tiegħu żewġ kilos kokaina b’valur fit-triq ta’ madwar €180,000. Il-Pulizija qalet li hija kellha nformazzjoni sensittiva li Liam Cassar kien fil-pusses ta’ droga. Huwa ġie segwit u twaqqaf waqt li kien qiegħed isuq fi Triq tal-Barrani, ż-Żejtun u mill-ewwel saret tfittxija fil-vettura u fuq is-seat tal-passiġġier allegatament instabu żewġ kilos ta’ sustanza bajda, li kienet f’ kaxxa tal-kartun u li fiha kien hemm imgeżwra żewġ blokok kokaina.

Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit l-akkużat wieġeb mhux ħati li fil-pusses tiegħu kellu din id-droga li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għal użu esklussiv tiegħu. L-Ispettur Marshall Mallia qal fil-Qorti li Cassar ikkopera mal-Pulizija u li ma kienx jaf li kellu d-droga fejn ħaseb li dawn kienu sempliċiment flus.

L-Avukat Franco Debono li flimkien mal-Avukat Francesca Zarb deher għall-akkużat għamel talba għall-pleġġ li sabet oġġezzjoni qawwija minn naħa tal-prosekuzzjoni. Dan, skont hi – minħabba li l-ammont ta’ droga kien kbir, ir-reat huwa wieħed serju u li terzi persuni ssemmew waqt l-istqarrija li huwa ta lill-Pulizija.

L-Avukat Debono rribbatta billi qal li kien il-klijent tiegħu li semma terzi persuni, li kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija, kif stqarret l-istess prosekuzzjoni, li ma hemmx xhieda pajżana, li għandu mpieg fiss, li l-inkjesta diġa ġabret il-provi u li Cassar għandu rabtiet b’saħħithom ma’ Malta.

Filwaqt li l-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, laqgħet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi tal-akkużat. Il-Qorti qieset ukoll il-fatt li ma ħarġux akkużi fuq traffikar ta’ droga u lanqas ta’ assoċjazzjoni għat-traffikar.

Dwar il-kundizzjonijiet tal-pleġġ il-Qorti ordnat lil Cassar biex jiddepożita s-somma ta’ 10,000 ewro u jintrabat b’garanzija tal-istess ammont. Irid li jiffirma fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid kuljum bejn it-8am u s-6pm u li jrid ikun id-dar sa nofs-il lejl u ma joħroġx qabel il-5am.