Sar kważi impossibbli biex żagħżugħ jew żagħżugħa jixtru propjetà waħedhom. Dan ifisser li jekk ma tkunx f’koppja jew tingħata għajnuna mill-ġenituri, diffiċli ħafna li tkun tista’ tidħol għal dan il-piż.
L-unika għażla affordabbli għal żgħażagħ bi qligħ minimu tkun il-kiri ta’ kamra f’dar jew appartament ma’ ħaddieħor.
Dan joħroġ minn dokument illi issawwar mill-Awtorità tad-Djar, u li kkonkluda li “il-kiri jew ix-xiri ta’ propjetà, x’aktarx li mhux prospett realistiku għaż-żgħażagħ f’Malta li kieku ma kienx għal għajnuna mill-familja, żwieġ, koabitazzjoni jew rilokazzjoni f’Għawdex”.
Fid-dokument miktub mill-ekonomisti Marie Briguglio u Glen Spiteri ingħataw ukoll dettalji ta’ kif iż-żgħażagħ Maltin jitilqu mid-dar tard meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-UE… dan minħabba nuqqas ta’ affordabbiltà tal-propjeta’.
Filfatt, fl-2020, il-Maltin li telqu mir-residenza tal-ġenituri taghhom biex jgħixu għal rashom kellhom eta’ medja ta’ 30 sena; bejn wieħed u ieħor erba’ snin ogħla mill-medja tal-UE.
Id-dokument tal-Awtorità jistaqsi numru ta’ domandi fosthom jekk dawn il-fatturi ta’ diffikultà biex taffordja propjetà, jaqtghux qalb iż-żgħażagħ milli jibqgħu jistudjaw fit-tul.
Pero dawn mhux l-uniċi domandi li jistaqsu l-ekonomisti Marie Briguglio u Glen Spiteri. X’inhu r-riskju jekk il-ġenituri ma jkollhomx id-dar tagħhom? Għawdex se jsir l-ewwel għażla għaż-żgħażagħ biex jixtru l-ewwel dar tagħhom?
U x’inhuma l-konsegwenzi fuq is-saħħa mentali taż-żgħażagħ li jibqgħu jgħixu mal-ġenituri?
Dwar dan l-aħħar punt, studju riċenti mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ jitkellem dwar implikazzjonijiet negattivi fuq dawk kollha li jsibu ruhom f’din is-sitwazzjoni.
Id-dokument jispjega kif din l-informazzjoni kollha hija applikabbli għal kull min jaqla minn paga minima sa paga medja. Dan meta l-aħħar data turi li f’pajjiżna, 85,000 persuna jaqilgħu inqas minn €812 fix-xahar.
//= $special ?>