Coronavirus Lokali

COVID-19: 442 każ ġdid

Fl-aħħar 24 siegħa nstabu 442 każ ġdid filwaqt li fiequ 156 persuna oħra biex il-każi attivi huma ta’ 4,952.

Fuq medja, iktar minn 1,500 persuna qed jagħmlu swab test… iżda dan it-total ma jinkludix dawk il-persuni li jagħmlu self-test id-dar.

Fortunatament, l-ebda persuna ma sfat vittma tal-virus fl-aħħar sigħat, bit-total ta’ vittmi jibqa’ dak ta’ 740.

Intant, minkejja li ta’ kuljum qed inkomplu naraw il-każi attivi jiżdiedu, numru kbir ta’ anzjani qed jirrifjutaw li jieħdu t-tieni doża tal-booster. Dan fid-dawl li qed isiru sejħiet kontinwi mid-Dipartiment tas-Saħħa biex minnufih jersqu biex jieħdu l-vaċċin minħabba biża’ tas-sintomi severi li wieħed kapaċi jesperjenza.

L-akbar ammont ta’ anzjani li ħadu t-tilqima tal-booster kienu dawk li għandhom iktar minn 80 sena, jiġifieri 60% minnhom. Dawk ta’ età bejn is-70 u t-80 sena ħadu l-booster 44% filwaqt li kienu 32% biss li ħaduha u għandhom bejn il-65 u s-70 sena.

Dan filwaqt li 40% biss kienu dawk li huma vulnerabbli li marru jieħdu l-booster.

It-total ta’ persuni li ħadu t-tieni doża tal-booster s’issa hu dak ta’ 45,267.

Is-sejħa tkompli biex wieħed jieħu l-vaċċin biex l-immunità fis-soċjetà tibqa’ waħda għolja.