Ninsabu lejliet il-festa pubblika ta’ San Pietru u San Pawl, fl-isfond ta’ tmiem il-ġimgħa twal u ftit lil hinn mill-vaganzi li ġġib magħha l-festa ta’ Santa Marija. Ninsabu fil-bidu tal-istaġun tas-sajf meta iservu f’Għawdex ħaqqhom kull tifħir.Għawdex qed jistenna influss ta’ turiżmu intern u anki ta’ turisti barranin kif jiġri kull sena. Iżda fix-xenarju previst jidher li se jkun diffiċli ħafna għall-ftit Pulizija li hemm iservu f’Għawdex biex ilaħħqu b’mod diċenti mal-ħtiġiet kollha li se jkollhom jiffaċċjaw.
Fi kliemhom stess, dan se jkun diffiċli ħafna li jsir. B’nuqqas serju ta’ riżorsi umani u bir-riżorsi attwali jridu jagħmlu x-xogħol mifrux ma’ Għawdex kollu – b’mod partikulari f’dan iż-żmien tas-sena meta f’Għawdex jiżdiedu n-nies – hemm ftit wisq Pulizija.
Sorsi infurmati li matul il-jiem li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li s-sitwazzjoni tal-Pulizija f’Għawdex hi waħda tal-mistħija għal min imexxi l-Korp tal-Pulizija li mill-ħafna wegħdiet tiegħu ma għamel kważi xejn biex tejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. “Għandna Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija li mhux qed tfalli milli tiġġieled il-kriminalità organizzata b’ċerti politiċi involuti fiha, iżda li qed tfalli wkoll fuq livell amministrattiv. “Hawn nuqqas kbir ta’ Pulizija u ma nafx kif se nlaħħqu x-xogħol f’dan iż-żmien tas-sena hekk kif issa bdew ukoll il-festi. Mela għandna x-xogħol tar-Rabat, iżda magħhom wieħed ma jridx jinsa wkoll ix-xogħol li jiżdied fix-Xatt tal-Imġarr, f’Marsalforn u fix-Xlendi,” bdew biex jgħidulna sorsi infurmati fil-Pulizija Għawdxija.
“Għandna sitwazzjoni tat-tħassib ħafna f’Marsalforn u fix-Xlendi li jekk ma joqogħdux attenti faċilment jispiċċaw il-Paceville ta’ Għawdex. Jiżdiedu sew il-Maltin u jiżdiedu wkoll il-barranin u ħafna mill-barranin qed joqogħdu hawn b’mod permanenti.
“Spiss ħafna jkollna argumenti u ġlidiet bejn dawn il-barranin, biex ma nsemmix ukoll inċidenti serji oħra li spiss jinqalgħu f’Għawdex kif kellna din il-ġimgħa fl-Għasri. Irridu nlaħħqu ma’ kollox. Jippretendu mingħandna l-impossibbli. Iżda ħadd minn ta’ fuqna ma japprezza x-xogħol u s-sigħat ta’ xogħol li qed nagħmlu.”
Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument komplew li t-Tmexxija tal-Korp trid minnufih issolvi din il-problema tan-nuqqas ta’ riżorsi ta’ Pulizija f’Għawdex. “Il-problema nifhimha… ħadd, jew tassew ftit, iridu jiċċappsu bl-uniformi għaliex tħammġet wisq u fiha wisq toqol u responsabbiltajiet.
“Ma rajtekx x’għamlulhom lil dawk il-Pulizija li waħħlu fihom għaliex xi ħadd tħalla jitlaq minn Malta meta mhux suppost. Anzi kien ġej u sejjer bil-barka ta’ fuq nett u għaliex dan ħaseb li ħadd ma jista’ jwaqqfu biex imbagħad arrestawh il-Pulizija Taljana fi Brindisi? Daqshekk hu apprezzat ix-xogħol tagħna! Dejjem ilaqqatha ż-żgħir.
“Għax anki hawnhekk meta jkun hawn xi biċċa xogħol taħraq lilna jħalluna kompletament barra. Jiġu l-Pulizija minn Malta u jagħmlu l-arresti huma dwar sejbiet u traffikar ta’ droga. Bħallikieku aħna mhux kapaċi naħdmuh dan ix-xogħol? Imma aħna biex nagħmlu l-iċken pass irridu ninfurmaw lil dak, lil dik u lill-oħra
“Daqshekk ċekknuna lilna. Lilna jriduna biss biex nagħmlu d-dirty work. Biex noqogħdu fix-xemx. Biex nagħmlu sigħat twal ta’ xogħol”. “It-Tmexxija tal-Korp suppost li taf tajjeb li Għawdex mhux distrett wieħed bħall-bqija tad-distretti ta’ Malta, iżda hu bħal Malta sħiħa, anki jekk f’minjatura. F’Malta taf issib ċerti bżonnijiet f’distrett li ma ssibhomx f’ieħor. “F’Għawdex, li hu distrett wieħed, għandek iċ-ċans li ssib il-bżonnijiet kollha tad-distretti kollha ta’ Malta. “U issa ninsabu fl-istaġun tas-sajf, fejn il-popolazzjoni ta’ Għawdex nafu li aktar milli tirdoppja; fejn l-attivitajiet tal-pubbliku bħal festi u affarijiet oħra, jiżdiedu u inspjegabbli kif ir-riżorsi umani tal-Pulizija jibqgħu dawk li huma,” qalulna s-sorsi ta’ Il-Mument”.
Huma fissru li l-problema tan-nuqqas ta’ sigurtà f’Għawdex ġej ukoll mill-fatt li l-popolazzjoni ta’ Għawdex inbidlet imma l-mod kif inħarsu lejn is-sigurtà ma nbidilx, jew qed jinbidlu bil-mod. Marsalforn u x-Xlendi saru fenomeni bil-bidla multikulturali. Anke f’dan ir-rigward is-sitwazzjoni tas-sigurtà ma nbidlitx, b’Pulizija jew tnejn f’kull lokalità minn dawn biex iħarsu dawn iz-zoni turistiċi. Il-Port tal-Imġarr, fejn fl-aħħar snin kien hemm żieda kbira fl-ammont ta’ stabbilimenti tad-divertiment, ukoll jeħtieġ preżenza akbar ta’ Pulizija minħabba l-ammont kbir ta’ persuni li qed jattira, b’mod partikolari fi tmiem il-ġimgħa.
L-istess japplika għal Kemmuna li, fis-sajf, kellha Għassa miftuħa 24 siegħa kuljum. Din is-sena qed jingħad li din l-Għassa qed tiftaħ mid-9 a.m. sat-8.30 p.m. Il-mistoqsija tibqa’ x’se jiġri wara dan il-ħin meta l-attività fis-sajf tibqa’ għaddejja matul il-lejl ukoll?
//= $special ?>