Lokali

Hu imperattiv li l-Verbal tal-Maġistat ikun irtirat minnufih

Għaddew issa ftit tal-jiem mill-inċident bla bżonn li seħħ fl-Awla tal-Maġistrat Yana Micallef Stafrace u b’kalma analizzajna dak li ġara proprju mal-Avukat Janice Chetcuti li mill-ewwel iddikjarat li hi taħfer kompletament lill-Maġistrat li qalgħet din il-kontroversja għaliex temmen li hi ma kenitx taf x’qed tgħid… “għalkemm b’dak li qalet lili weġġgħetni ħafna tant li bkejt għaliex dak id-diskors fil-konfront tiegħi kien għalkollox inġust u kattiv.”

L-Avukat Janice Chetcuti, li mill-ewwel laqgħet l-istedina għal konversazzjoni analitika dwar dak li għaddiet minnu fil-jiem ta’ qabel, bdiet biex b’qawwa kbira għamlitha ċara li dak li l-Maġistrat Yana Micallef Stafrace qalet dwarha hu għalkollox mhux veritier. “Jien persuna integra u serja u li ili snin twal naħdem b’dedikazzjoni biex nibni r-reputazzjoni tiegħi. Jien dejjem tgħallimt li r-reputazzjoni tibniha b’ħafna sagrifiċċji u kulma tagħmel jirrifletti, tajjeb jew ħażin, proprju fuq ir-reputazzjoni tiegħek.

“Dak li l-Maġistrat Yana Micallef Stafrace għamlet u qalet fil-konfront tiegħi hu għalkollox gidba li setgħet tħalli effetti negattivi fuq ir-reputazzjoni tiegħi. “Ħalli ngħidlek din ukoll… Jien omm ta’ żewġt itfal li nrabbihom b’dedikazzjoni u b’imħabba kbira ħafna. Wieħed minnhom hu żagħżugħ ta’ tlettax-il sena u kont diġà qed nimmaġina tipi ta’ bullying
fil-konfront tiegħu kaġun dan id-diskors fieragħ u bla sens li ngħad mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.”

Janice Chetcuti enfasizzat mill-ġdid li: “Jien naħfer kompletament lill-Maġistrata Yana Micallef Stafrace għaliex nemmen li tassew ma kenitx taf x’qed tinsinwa dwari. Imma dak li qalet b’tant rabja lili weġġagħni ħafna. Kien biss l-appoġġ kbir li sibt mill-kollegi tiegħi u minn ħafna persuni oħrajn, anki persuni li ma nafx u mill-kamp politiku oppost, li tani ħafna kuraġġ u sostenn f’dawn il-mument diffiċli li kelli ngħaddi minnhom bl-aktar mod kapriċċjuż.

“Nistqarr miegħek li sa ma qabel ma mort quddiem il-Kamra tal-Avukati biex nagħti verżjoni tiegħi, kien hemm diġà għadd ta’ terzi li kienu avviċinaw lill-istess Kamra tal-Avukati u taw stampa mill-aktar korretta u preċiża tal-integrità u s-serjetà tiegħi kemm fil-binja tal-Qorti u fl-Awli, u anki lil hinn mill-istess strutturi.” Janice Chetcuti fissret li dak li tassew urtaha u weġġagħha kien li l-Maġistrat Yana Micallef Stafrace wara dak kollu li qalet, kompliet tinsisti li tagħmel Verbal u qalet li kienet qed tagħmel dan biex in-nies jibqgħu jiftakruha. “Din kienet tassew turija ta’ kattiverija fil-veru sens tal-kelma u jien weġġajt ħafna b’din l-attitudni xejn korretta.”

Hi kompliet li: “Għalija kien tassew umiljanti l-fatt li l-istess Maġistrat ma ħallitnix niddefendi ruħi kif xtaqt u nispjega li l-persuna l-oħra kienet il-kunġin tiegħi. Għalxejn ipprovajt nispjega sal-punt li din wissietni li kemm-il darba se nibqa’ nħares lejha, din kienet se tagħtini disprezz ta’ €550!

“Fl-opinjoni umli tiegħi – u dan jikkondividuh ukoll kollegi avukati tiegħi – din l-attitudni hi għalkollox mhux xierqa fil-konfront tagħna l-avukati u wkoll fil-konfront tal-ebda individwu ieħor – hu min hu jew hi min hi – u dwar dan jien spjegajt ukoll quddiem il-Kamra tal-Avukati.”

Mistoqsija dwar x’se jkun qed jiġri issa fir-rigward tax-xogħol tagħha fl-Awla quddiem il-Maġistgrat Yana Micallef Stafrace, Janice Chetcuti qalet li hi tħoss li m’għandhiex tirrappreżenta aktar lill-klijenti tagħha quddiem din il-Maġistrat partikulari għaliex ma tistax tassigura li dik ix-xenata bla bżonn u inġusta li għamlet ma terġax tirrepeti lilha nnifisha. “Jien ma nafx x’wassal għal din l-attitudni negattiva minn din il-Maġistrat fil-konfront tiegħi u għalhekk nippreferi li nilgħab safe għall-klijenti tiegħi u ma nidhirx quddiemha.”

Tajjeb li jingħad li l-istess Maġistrat Yana Micallef Stafrace fl-istess dagħdigħa li kellha fil-konfront ta’ Janice Chetcuti, hedditha li kieku kien għaliha (għall-Maġistrat) kienet tiddifferixxi dik il-kawża partikulari li kellha suppost tisma’ għal erba’ snin oħra, iżda minflok iddifferixxietha għal Novembru li ġej!

Mistoqsija dwar l-appoġġ kbir u s-solidarjetà li sabet, Janice Chetcuti qalet li f’dawn il-mumenti diffiċli hi sabet appoġġ kbir minn ħafna u ħafna nies, fosthom mingħand ħafna u ħafna nies li litteralment qatt ma kienet kelmithom qabel.

Fost l-oħrajn anki l-Prim Ministru Robert Abela esprima n-nuqqas ta’ qbil tiegħu għall-mod kif il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace widdbet lill-Avukat Janice Chetcuti, sal-punt li anki sejjaħ l-istqarrija tal-Kamra tal-Avukati bħala waħda “fattwali u korretta”.

Fil-fatt Robert Abela qal li waqt li dan l-episodju fl-Awla seta’ kien evitat, saħaq li żgur ma kienx episodju li kellu jkun irreċiprokat mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace b’dak il-mod. Janice Chetcuti apprezzat l-appell tal-Prim Ministru lill-istituzzjonijiet kollha f’pajjiżna li s-security of tenure qiegħed hemm biex iħares b’mod assolut l-indipendenza u imparzjalità tal-istituzzjoni, u mhix pretest (skuża) biex wieħed jabbuża mill-kariga jew juri arroganza fil-qadi ta’ dmirijiet.

Barra minn hekk, kompliet Janice Chetcuti, il-Prim Ministru qal ukoll li hu jifhem li hemm istituzzjonijiet fuq il-Ġudikatura li għandhom jieħdu konjizzjoni ta’ dan l-episodju u huma fil-libertà li jaġixxu skont kif jidhrilhom.
Mistoqsija dwar it-triq ’il quddiem wara dan l-inċident bla bżonn, Janice Chetcuti fissret li issa hu imperattiv li dak il-Verbal tal-Maġistat Yana Micallef Stafrace jkun irtirat minnufih kif ukoll annullat.

Dan għall-fatt li dan l-istess Verbal kien ippruvat li hu gidba fit-totalità tiegħu, apparti li fih innifsu jikkostitwixxi wkoll inġustizzja kbira fil-konfront tal-istess Janice Chetcuti. Hi kompliet li issa ma tħosshiex komda aktar li tidher quddiem din l-istess Maġistrat, anki għall-fatt li jista’ jkun hemm klijenti li ma jkunux iħossuhom fiduċjużi fl-imparzjalità tal-Ġustizzja fil-konfront tagħhom hekk kif difiżi mill-Avukat Janice Chetcuti għal raġunijiet ovvji.

Janice Chetcuti qalet li fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu hi għadha tistenna li jkun hemm xi forma ta’ reazzjoni fil-konfront ta’ dak li ġara kemm mill-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Qorti, kemm mill-Uffiċċju tal-Prim Imħallef u anki mill-awtoritajiet l-oħra konċernati. Wieħed jifhem u japprezza li dawn l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw li jagħtu direzzjoni lill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace biex tirrikuża lilha nnifisha milli tisma’ każijiet li fihom tkun qed tidher l-Avukat Janice Chetcuti.

Dan għall-fatt li inċidenti bla bżonn ta’ diskors fieragħ mill-Bank tal-Ġudikatura – fil-konfront ta’ kwalsiasi persuna – għandhom jitwaqqfu għaliex iħallu effetti negattivi fuq dak li jkun u min jgħidhom għandu jkun imwissi bl-aktar mod sever.

Madankollu Janice Chetcuti temmet li hi se tibqa’ assidwa fix-xogħol tagħha li se tkompli tagħmel b’tant dedikazzjoni u rispett kif dejjem għamlet fejn dejjem fittxet il-veru interessi tal-klijenti tagħha. Hi twiegħed u tassigura li dan l-inċident partikulari bl-ebda mod mhu se jneħħilha t-tbissima minn fuq ħaddejha. “Jien se nibqa’ dak li dejjem kont. Mara serja, iżda umana. Mara li kif dejjem kont se nibqa’ l-vuċi ta’ min vuċi m’għandux u faċilment jista’ jkun oppressat. Jien m’iniex dik it-tip ta’ persuna u se nibqa’ nagħmel ħilti kollha biex nibqa’ tarka tal-vulnerabbli u ta’ dawk kollha li jkunu
għaddejjin minn mumenti ta’ diffikultà.”

Janice Chetcuti temmet tirringrazzja lil dawk kollha li tawha l-appoġġ tagħhom f’dawn il-mumenti diffiċli u tawgur li ħadd ma jgħaddi minn sitwazzjonijiet diffiċli u kapriċċjużi bħal dawn. Hi biss il-maħfra li twasslek biex tissokta tħares ’il quddiem u tissokta timxi bil-ħajja tiegħek.

Tags