Internazzjonali

Il-Festival ta’ Glastonbury: Paul McCartney, Dave Grohl u Bruce Springsteen jisirqu x-xena

L-eluf kbar tad-dilettanti tal-mużika li qegħdin jattendu l-festival ta’ Glastonbury, fl-Ingilterra, kellhom sorpriża sabiħa meta, fil-lejl tas-Sibt, il-kantant tal-Foo Fighters, Dave Grohl, issieħeb fuq il-palk flimkien mal-kantant u eks-Beatle leġġendarju Paul McCartney, fost l-entużjażmu enormi tan-nies preżenti.

Il-preżenza ta’ Grohl fuq il-Pyramid Stage kienet partikularment kommoventi għaliex din kienet l-ewwel darba li hu interpreta kanzunetta fil-pubbliku mill-mewt, ftit xhur ilu, tad-drummer tal-Foo Fighters, Taylor Hawkins.

Intant, Grohl ingħata merħba ta’ eroj qabel kanta dwett allegru ma’ McCartney – f’dan il-każ versjoni tal-kanzunetta tal-Beatles ‘I Saw Her Standing There’ .

L-udjenza fi Glastonbury imbagħad kellha sorpriża sabiħa oħra meta Paul McCartney introduċa lill-kantant-kitarrist famuż Amerikan Bruce Springsteen – magħruf ukoll bħala ‘The Boss’ – fuq il-palk u li interpreta li l-kanzunetti magħrufa ‘Glory Days’ u ‘I Wanna Be Your Man’ ( ta’ the Beatles’).

Springsteen, li ġej minn New Jersey, wara wassal messaġġ ta’ kongratulazzjoni lil McCartney f’għeluq it-80 sena tiegħu li kien iċċelebrat ftit tal-jiem ilu filwaqt li awguralu ’80 sena glorjużi oħra karatterizzati bil-mużika ta’ kwalità’.

Dan wara li l-fans tal-mużika fi Glastonbury kienu qabdu jkantaw ‘Happy Birthday’ lill-eks-Beatle meta hu kien ħareġ fuq il-palk ewlieni ta’ Glastonbury biex jippreżenta sett mużikali maratona ta’ sagħtejn u 50 minuta u fejn kienu interpretati l-hits tiegħu matul karriera ta’ 60 sena.

Il-‘headline performance’ ta’ Paul McCartney kien fost l-aktar avvenimenti mużikali mistennija marbutin ma’ Glastonbury għal ħafna snin, bid-dilettanti tal-mużika jaħsbu għal post quddiem il-palk minn  xi 12-il siegħa qabel kellu joħroġ dan il-kantant-kompożitur veteran minn Liverpool.

Fil-fatt, l-osservaturi jemmnu li l-udjenza għas-sett mużikali ta’ McCartney kienet l-akbar waħda waqt festival ta’ Glastonbury mindu  ħadet sehem Dolly Parton, il-kantanta Amerikana tal-mużika Country, fl-2014.