Edukazzjoni Lokali

Il-Gvern bla soluzzjoni għall-edukazzjoni ta’ uliedek

Trid li uliedek ikunu fuq il-bankijiet tal-iskola jitgħalmu bl-assistenza ta’ LSE? Mela jekk taffordja, trid tħallas l-mijiet ta’ ewro biex tassigura li uliedek ikunu jistgħu jattendu l-iskola.

Hi din is-sitwazzjoni li numru ta’ ġenituri qed isibu ma’ wiċċhom ladarba uliedhom ikunu waslu biex jibdew il-kindergarten. Dan minħabba li m’hemmx biżżejjed Educational Pyschologists impjegati mal-Gvern biex ifasslu rapport jekk it-tfal għandhomx bżonn LSE biex tassistihom fil-klassi.

Dan qed iwassal biex diversi tfal qed jispiċċaw jitilfu l-perjodu ta’ kindergarten u jibdew sentejn wara tfal oħra, bil-Gvern ta’ Robert Abela mhu jagħti l-ebda tip ta’ soluzzjoni ħlief li jgħid lill-ġenituri biex jistennew.

Meta mistoqsi mill-gazzetta ILLUM, il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima kkonferma li jaf b’din is-sitwazzjoni li qiesha bħala “realtà diffiċli” iżda ma ta l-ebda soluzzjoni għal din il-lista ta’ stennija ma tispiċċa qatt.

Diversi ġenituri saħqu kif din il-lista ta’ stennija hi tant twila li numru ta’ tfal qed ikollhom jistennew mas-sentejn biex fl-aħħar jidhru quddiem il-bord li jiddetermina jekk hemmx bżonn LSE magħhom… b’ġenituri jagħżlu li jħalsu bejn €700 u €1,800 lill-privat biex dan il-proċess jitħaffef.

Iżda ġenituri li għandhom paga minima, żgur mhux forsi ma jaffordjawx dawk il-mijiet ta’ ewro.

Apparti din il-problema, ghad hemm ukoll ir-realta ta’ nuqqas ta’ LSE. Dan qed jaffetwa mhux ftit lil diversi tfal li ghandhom il-kundizzjoni tal-awtizmu jew l-ADHD.