Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Bumbardamenti ġodda fuq Kiev fost il-laqgħa tal-G7 fil-Ġermanja

Il-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, fetħu mill-ġdid bumbardament qawwi fuq Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna li kienet  qed tirritorna, bil-mod, lejn in-normalità fl-aħħar ġimgħat. Intant, din il-belt kapitali theżżet minn diversi splużjonijiet wara li ntlaqtet mill-missili u fejn mietu u ndarbu numru mhux determinat ta’ ċittadini.

L-attakk kien fost diversi azzjonijiet militari tar-Russi fuq l-Ukreni, fl-aħħar 24 siegħa – bil-bumbardamenti fuq Kiev jitmexxew mill-ajruplani ( bombers) tat-tip Tupolev li, skont ir-rapporti, kienu qed itiru fuq il-Baħar Kaspjan meta sparaw il-missili cruise li kapaċi jwasslu fuq diversi eluf ta’ kilometri.

Dan fost rapporti mis-servizzi sigrieti Ukreni li r-Russja qed tuża wkoll l-art tal-Belarus bħala bażi għall-attakki mill-ajru fuq l-ibliet tal-Ukrajna.

Intant, l-aħħar attakki fuq Kiev saru waqt li kien qed jibda s-summit tal-G7 ( l-aktar seba’ pajjiżi industrijalizzati tad-dinja) fil-Ġermanja u fejn il-mexxejja, fl-aħħar sigħat, iddiskutew ‘kontribut ta’ għajnuna akbar’ lill-Ukreni għal dan iż-żmien diffiċli.

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, appella biex il-Punent ma jżomm lura qatt mill-għajnuna lill-Ukrajna u biex il-pajjiżi tal-Ewropa ‘ikunu onesti dwar l-implikazzjonijiet’. Dan waqt li Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, qal li l-mexxejja tal-G7 għandhom l-istess għan biex ‘jaqtgħu l-ossiġinu għall-magna tal-gwerra tar-Russja’.

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, ukoll appella għall-għaqda fost il-pajjiżi tal-G7 f’dak kollu li jirrigwarda għajnuna lill-Ukrajna – u speċjalment mill-aspett ta’ armamenti għal difiża.

Dan meta l-gwerra fl-Ukrajna għaddejja minn żmien kruċjali wara li l-qawwiet Russi, fi tmiem il-ġimgħa, ħadu l-kontroll ta’ Severodonetsk, belt importanti fl-artijiet Ukreni tal-Lvant u li fl-aħħar ġimgħat kienet iċ-ċentru għall-agħar battalji mindu t-truppi Russi invadew lill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, aċċenna għall-gravità tas-sitwazzjoni meta, waqt l-aħħar diskors, tenna li l-gwerra f’pajjiżu daħlet fi stadju kruċjali ‘minn lat morali kif ukoll minn lat emozzjonali’.

Intant, l-organizzazzjoni umanitarja Save the Children qalet li t-tfal fl-Ukrajna qed ikunu suġġetti għal ħsara fiżika u emozzjonali li ‘bilkemm titwemmen’ b’kaġun ta’ din il-gwerra. L-istess organizzazzjoni ħeġġet biex il-mexxejja tad-dinja jżidu l-impenji lejn il-konklużjoni ta’ din il-gwerra  waqt li sostniet li ‘is-summit tal-G7 għandu jservi bħala appell lid-dinja biex ma tħarisx ‘il hinn mill-konflitt tal-Ukrajna li issa qabeż l-erba’ xhur’.

L-organizzazzjoni rrepetiet li l-mexxejja tal-Punent iridu jagħmlu minn kollox biex itemmu l-gwerra għaliex mhemm l-ebda post sikur għat-tfal tal-Ukrajna. Dan fost rapporti li xi tfal sfaw midruba waqt attakk fuq blokk ta’ residenzi fi Kiev u bil-missili tar-Russi jolqtu anki bini ta’ kindergarten fil-kapitali Ukrena.