Lokali

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà wiegħed ħafna iżda wettaq ftit li xejn

Il-laqgħa tat-Tlieta tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) issiġillat il-fama li għandu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà li quddiem l-iebes… ma ssibux u ma jweġibx.

Il-laqgħa tat-Tlieta tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi kienet tittratta l-lista ta’ xhieda li għandhom jixhdu quddiem l-istess Kumitat Parlamentari dwar l-iskandlu ‘Electrogas’. F’din il-lista kien hemm ukoll l-isem ta’ Angelo Gafà, iżda r-rappreżentanti tal-Gvern fuq dan il-Kumitat Parlamentari kellhom struzzjonijiet ċari minn Kastilja biex jivvutaw kontra li l-Kummissarju tal-Pulizija jixhed quddiem dan il-Kumitat.

Hu evidenti kemm il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà jħossu skomdu milli jixhed quddiem dan il-Kumitat u jirrispondi għall-mistoqsijiet li jsirulu mill-membri ta’ dan il-Kumitat. Mistoqsijiet li jistgħu jikxfu diversi fatturi imporanti, anki fuq it-tip ta’ investigazzjonijiet li saru jew li suppost saru fil-konfront tal-iskandlu ‘Electrogas’ u terzi implikati direttament fih.

Imma jidher evidenti wkoll li mhux Angelo Gafà biss skomdu milli jiffaċċja lill-membri ta’ dan il-Kumitat Parlamentari. Hi skomda wkoll Kastilja milli tħalli lil Angelo Gafà jiffaċċja l-mumenti ta’ verità għaliex ma tħosshiex sigura biżżejjed li l-logħba tista’ tmur favur tagħha u ma jinħarġux aktar dettalji dwar dan l-iskandlu li għalih il-poplu għadu jkollu jagħmel tajjeb għalih sal-lum.

Il-Membri Parlamentari Laburisti f’dan il-Kumitat nhar it-Tlieta li għadda kienu l-Whip Laburista Andy Ellul li tħalla mingħajr Ministeru minkejja l-aspettattiva kbira li kellu, id-Deputat Glenn Bedingfield li tneħħa mir-rwol ta’ Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Alex Muscat li spiċċa b’idu f’idu kaġun tal-iskandlu ‘Identity Malta’ u l-Ministru Clayton Bartolo li hu protagonista assolut tal-infiq u t-tberbieq bl-addoċċ fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA).

Din il-gazzetta Il-Mument kemm-il darba kitbet dwar l-iskandlu ‘Electrogas’ li litteralment ma għen xejn għal reputazzjoni tajba minn pajjiżna. Fil-qalba ta’ dan l-iskandlu, l-allegat kompliċi fl-assassinju tal-Bidnija fl-2017… Yorgen Fenech flimkien ma’ persuni oħra tan-negozju, kif ukoll il-Gvern Laburista. Dan l-iskandlu jissemma’ wkoll ir-rapport konklussiv tal-Inkjesta Pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dakinhar il-Bord tal-Inkjesta kien saħaq li: “Hemm livell ieħor ta’ kriminalità organizzata li jinvolvi persuni li mhumiex professjonalment kriminali, imma li huma involuti fin-negozju, fl-amministrazzjoni pubblika u fil-politika. Persuni perikolużi li jiddeċiedu li jaġixxu flimkien biex jakkwistaw gwadann b’mod illeċitu jew illegali. Hekk jistgħu jikkwalifikaw jekk provati, l-allegazzjonijiet li saru dwar il-Panama, 17 Black u dawk dwar irregolaritajiet gravi fit-twettiq ta’ proġetti infrastrutturali kbar bħall-Electrogas.

Ir-rapport ta’ dik l-Inkjesta kien isemmi wkoll kif il-proġett tal-Electrogas kien jaqa’ taħt l-Eks Ministeru Konrad Mizzi. Bil-Bord jgħid li kien sorprendenti l-fatt li operazzjoni li kienet se timpatta b’mod kruċjali lill-finanzi tal-pajjiż, ma kienx involut fiha l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li llum hu l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta bi dħul ta’ eluf kbar ta’ ewro!

Ta’ min ifakkar kif dak il-Bord ta’ Inkjesta kien afferma li l-Gvern Laburista kien falla fil-mentalità tal-business fejn kull proġett maġġuri inizjat mill-Gvern kien spiċċa kellu dellijiet ta’ irregolaritajiet, abbuż ta’ poter u korruzzjoni. Allegazzjonijiet li jimplikaw li negozjanti involuti f’dawn il-proġetti għamlu jew kienu intenzjonati li jagħmlu qligħ minn fuq dahar il-poplu anki f’xi okkażjonijiet id f’id ma’ personaġġi politiċi ewlenin involuti fit-twettieq tal-istess proġetti.
Il-proġett tal-Electrogas hu wieħed minn dawn il-proġetti li dwaru l-Awditur Ġenerali esprima riservi kbar dwar ir-regolarità tal-proċeduri.

Fl-isfond ta’ dan kollu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà – anki skont il-ġurament ta’ lealtà li darba ħa – kellu kull dover li jinvestiga bis-serjetà u jipproċedi biex tassew ikun garanti tal-ġustizzja. Imma minn dan kollu ftit li xejn ġara b’numru ta’ kriminali għadhom jiġġerrew mas-saqajn u jgawdu l-flus maħmuġa li rnexxielhom jagħmlu minn fuq dahar il-poplu.

Għalhekk wieħed jikkonkludi kemm l-istess Angelo Gafà ma riedx jiffaċċja lil dan il-Kumitat Parlamentari biex iwieġeb u kemm Kastilja kienet skomda u riedet tassigura li l-vot ikun wieħed “Le” għat-trasparenza u għall-akkontabbiltà! Imbagħad inqas minn 24 siegħa minn din il-pantomima, il-Kummissarju tal-Pulizija f’Marsaxlokk ikompli jgħaffiġa hekk kif ikun mistoqsi dwar il-frodist Iosif Galea u jwiegħed li se jippubblika l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni li qed issir!

Sorsi infurmati li tkellu ma’ Il-Mument dwar dan il-każ qalulna li l-ewwel il-pjan kien li jsallbu Spettur, Surġent u ħut żgħir ieħor, iżda issa qed jgħidu li x-xogħol tal-Korp tal-Pulizija fil-każ ta’ Iosif Galea hu li jdaħħal fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet li jagħmel il-Bord ta’ Inkjeta li qed jinvestiga il-każ ta’ dan l-eks konsulent tal-MGA li minkejja li mhux suppost kien isiefer, jirriżulta li kien dieħel u ħiereġ minn pajjiżna!

Biex iserraħ moħħ kulħadd issa Angelo Gafà staqsa wkoll kif jista’ jordna azzjoni dixxiplinarja fil-konfront ta’ xi ħadd fil-Korp jekk għadha għaddejja l-investigazzjoni dwar Iosif Galea li għadu f’idejn il-Pulizija Taljana. Iosif Galea kien arrestat fl-Italja fl-aħħar ta’ Mejju b’rabta ma’ każ fil-Ġermanja ta’ evażjoni ta’ taxxa. Minkejja li kienu nħarġu żewġ Mandati ta’ Arrest Ewropej, Iosif Galea allegatament tħalla jsiefer l-Italja minn Malta fil-kumpanija tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Minħabba dan l-allegat nuqqas serju li kien ixxokkja lil kulħadd, il-Pulizija kienet ħabbret li l-Imħallef irtirat Franco Depasquele beda jinvestiga kif Iosif Galea tħalla jagħmel dan. Interessanti mbagħad kif fl-istess okkażjoni f’Marsaxlokk, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà reġa’ ħarab milli jwieġeb dwar l-Eks Assistent Kummissarju Ian Abdilla li qed jitħalla fuq nar bati dwar il-każ tiegħu.

Mistoqsi direttament dwar dan il-każ, Angelo Gafà wieġeb li ma jistax iwieġeb minħabba raġunijiet ta’ data protection u għalhekk ma jistax joffri dettalji dwar il-proċeduri. Dan kollu dwar każ mill-aktar sensittiv fejn l-Eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla hu fiċ-ċentru ta’ allegazzjonijiet mill-aktar serji li naqas milli jinvestiga persuni fil-politika u li isimhom kien deher imċappas fil-famużi Panama Papers.

Tags