Internazzjonali

Ingilterra: Jispjegaw dwar l-għotja ta’ miljun ewro lill-Prinċep Charles

Uffiċjali fi Clarence House – ir-residenza tal-Familja Rjali fis-City of Westminster ( borough ta’ Londra) qed jinsistu li ‘ma inkisru l-ebda proċeduri’ wara rapporti li l-Prinċep Charles ta’ Wales aċċetta bagalja b’miljun ewro fi flus kontanti mingħand l-eks Prim Ministru tal-Qatar, Sheikh Hamad bin Jassim.

Is-Sunday Times ta’ Londra sostniet li l-flus kienu parti minn tliet donazzjonijiet ta’ flus – li b’kollox jammontaw għal tliet miljun ewro – mingħand Jassim, iżda s-sorsi qrib il-Familja Rjali ma tilfux żmien biex jispjegaw iċ-ċirkostanzi relatati mal-għotjiet.

Dan waqt li Clarence House spjegaw li d-donazzjonijiet mingħand ix-Sheikh ingħataw minnufih lil wieħed mill-istituzzjonijiet karitatevoli li għandhom il-Prinċep bħala padrun ‘u fejn kienu rispettati l-proċessi xierqa kollha’.

Ma hemm l-ebda suġġeriment li l-pagamenti kienu illegali – bir-rapporti jgħidu li l-Prinċep kien irċieva personalment tliet donazzjonijiet mingħand Jassim bejn l-2011 u l-2015.