Lokali

Inkixfu l-kuluri vera ta’ Robert Abela

Filwaqt li l-kwistjoni dwar l-Avviż Legali maħruġ mill-Gvern Laburista bla konsultazzjoni ma’ ħadd dwar l-estensjoni tad-daqq tal-mużika sas-1 a.m. fil-Belt Valletta kompliet tiżviluppa, għenet ukoll biex issoktaw joħorġu l-kuluri vera tal-Prim Ministru Robert Abela li issa ma jistax jiċħad li hu insensittiv, ma jikkonsultax, ma jismax… u, li l-aqwa għalih, hu li jirrombla u li tgħaddi tiegħu akkost ta’ kollox.

L-aktar li stogħnat din il-ġimgħa dwar din il-kwistjoni ma kenitx il-laqgħa storbjuża b’rabta mal-Kunsill Lokali Valletta, iżda d-dikjarazzjoni ta’ Robert Abela li hu mhux se jerġa’ lura minn dan l-Avviż Legali… jiġifieri bagħat messaġġ ċar u dirett lir-residenti fil-Belt Valletta li dan l-Avviż Legali se jibqa’ fis-seħħ għax hu ma jimpurtahx jekk dawn isofrux inkonvenjenzi u nuqqas ta’ mistrieħ kaġun ta’ ħinijiet aktar fit-tul fid-daqq tal-mużika.

Iżda stogħnat ukoll l-imġiba tal-Kunsillieri Laburisti fil-Kunsill Lokali Valletta hekk kif dawn baqgħu gallarija milli jiddefendu d-drittijiet tar-residenti fil-Belt Valletta u għażlu li jbaxxu rashom għal dan l-Avviż Legali pilotat minn Kastilja. Bla dubju li r-residenti fil-Kapitali ħadu nota ta’ din l-imġiba li hi insult dirett fil-konfront tagħhom.

Christian Micallef, il-Minority Leader fil-Kunsill Lokali Valletta, qal li hu qatt ma stenna li quddiem sitwazzjoni u ċirkostanza politika bħal din, il-Kunsillieri tal-Partit Laburista fil-Belt Valletta kienu se jaġixxu b’dan il-mod, fejn għalkemm wieħed jemmen li fil-fond ta’ qalbhom jemmnu li qed jonqsu bil-kbir li mhux jiddefendu d-drittijiet tar-residenti, xorta waħda qed jagħżlu li jbaxxu rashom għal ordni li ma tagħmilx sens iżda li hi ġejja minn Kastilja. Kif tista’ tibqa’ twebbes rasek hekk, meta tant residenti, partikolarment dawk li kulħadd jaf kemm huma Laburisti, huma kontra dan l-Avviż Legali?

Christian Micallef qal li persuna li tkellem magħha din il-ġimgħa ħasditu meta qaltlu li kien hemm xi ħadd influwenti fil-Partit Laburista u qalilha, “tinkwetax, issa l-Gvern se jkun qed joħroġ skema ta’ double-glazing apposta, biex tkun tista’ tpatti għall-istorbju li se jkollok fid-dar meta tiġi biex torqod.”

Christian Micallef staqsa jekk din hix bis-serjeta u żied “li kieku mhux għax nemmen u naf x’persuna hi dik li qaltli hekk, lanqas kont nemmen li qalulha hekk.

“Jiddispjaċini nara f’liema livell qed nispiċċaw nirredikolaw il-politika lokali, anke fi ħdan il-Kunsilli Lokali, meta suppost hi xi ħaġa ovvja, li jkollok membri tal-Kunsill Lokali eletti mir-residenti, li fuq xi ħaġa bħal din jiddefendu mingħajr ebda ħsieb, lir-residenti inkwistjoni. Iżda le, minflok qed naraw Deputati fid-Distrett u Kunsillieri li huma skomdi u konfużi, biex jiddefendu lill-Gvern fuq xi ħaġa bħal din. Minflok hemm min qed imur jgħid li aħna kontra l-kummerċ. Din hi assurda.”

Christian Micallef kompla li “ibda biex, għadna Prim Ministru li qed jikkonferma li dan l-Avviz Legali ddiskutih biss fil-Kabinett. Irid nara x’diskussjoni kien hemm fil-Kabinett dwar dan l-Avviż Legali. Probabbilment li qalilhom li se jkun hemm dawn l-emendi, sempliċiment biex tkunu tafu, u wissihom li ħadd m’għandu jgħid kontra. Dik tmexxija!”

Hu spjega li dak li qed jiġri bħalissa fil-Belt Valletta mill-Partit Laburista, inkluż mid-Deputati tal-Ewwel Distrett, mhu xejn għajr tradiment għaliex din qatt ma kienet parti minn programm elettorali. “Qabel l-Elezzjoni, jien kont kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali, u r-residenti Beltin li kont qed immur għandhom fi djarhom kienu qed jgħiduli minn kollox, fuq x’kienu qed jgħidulhom il-kandidati

Laburisti tad-Distrett, saħansitra li joffrulhom appliances, jekk ikollhom bżonn. Iżda ħadd qatt ma qalli li kienu qed jgħidulhom li kienu se jestendu l-ħin tad-daqq tal-mużika fuq barra sas-1am. Ovvja, għaliex kienu jafu li kieku qalulhom hekk kienu jitilfu l-voti.

“Iżda lil hinn minn kollox, jien inħobb inħaress lejn il-pożittiv fi kwalunkwè sitwazzjoni li ngħaddi minnha. Anke jekk il-Mozzjoni tal-PN fil-Parlament ma tkunx approvata, għaliex il-Gvern jibqa’ jwebbes rasu u jivvota kontra, minn dan kollu qed nara ħafna pożittiv u ħareġ il-ġid. Dan għaliex fuq livell lokali, sforz l-inkompetenza u l-falliment tal-Partit Laburista fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, aktar residenti qed jingħaqdu fi ħdan moviment politiku mmexxi mill-PN.”
Christian Micallef fakkar li “fl-2019, meta jien kont għamilt ftit xhur Sindku, kien irnexxilna nibnu forza politika li għalkemm kienet taħt il-kappa tal-Partit Nazzjonalista, fi ħdanha kien hemm residenti u nies mill-Belt Valletta, ta’ kull kulur politiku.

“Dakinhar il-PN tilef il-maġġoranza mhux għaliex il-Partit Laburista żied il-voti, iżda għaliex kien hemm aktar Nazzjonalisti li ma ħarġux jivvutaw. Hu fatt, li dakinhar, kien hemm residenti li ddeċidew li ma jmorrux jivvutaw għaliex ħassew li kellhom jagħmlu hekk fuq deċiżjonijiet li jmorru lil hinn mill-Kunsill Lokali. Illum dawn l-istess residenti, jitkellmu miegħi b’diżappunt, għaliex wara dawn it-tliet snin ta’ maġġoranza tal-Partit Laburista fil-Belt Valletta, fehmu biċ-ċar kemm hu importanti li fil-Belt Kapitali jerġa’ jkolna tmexxija b’Sindku Nazzjonalista.”

Hu qal li sentejn biss ’il bogħod mill-elezzjoni tal-Kunsill Lokali f’kull lokalitá f’Malta u Għawdex, nemmen li l-Belt Valletta għandha opportunitá tad-deheb, biex tbiddel it-tmexxija, mhux biex il-PN jassumi l-poter iżda biex il-Kunsill Lokali tal-Belt Kapitali ta’ Malta jerġa’ jgħaddi għand ir-residenti. Dawn it-tliet snin ta’ maġġoranza Laburista, urew biċ-ċar li fil-Belt Valletta t-tmexxija tal-Kunsill Lokali hi maħkuma mill-Gvern.

Tags