Lokali

It-tniġġis tad-dawl f’pajjiżna qed ifixkel il-frieħ tal-Garnija milli jaslu sal-baħar

Int kif tista' tgħin lil dawn il-frieħ biex jirnexxilhom jagħmluha għall-baħar?

Ilna nisimgħu ħafna dwar l-effetti xejn sbieħ tat-tniġġis tad-dawl fuq diversi kreaturi. Iżda issa, f’pajjiżna, qed naraw kif dan qed jaffetwa wkoll diversi tajr li jkun wasal iż-żmien tagħhom biex imorru fuq il-baħar.

Fil-fatt, BirdLife Malta nnutaw kif il-frieħ tal-Garnija li jkunu waslu biex jagħmlu l-ewwel vjaġġ ta’ ħajjithom, mhux qed jirnexxilhom jaslu sal-baħar… vjaġġ li minnu nnifsu diġa’ hu wieħed perikoluż għal dawn il-frieħ li qatt ma esperjenzaw xi ħaġa simili.

Normalment, dawn l-għasafar tal-baħar iħallu pajjiżna fis-satra tal-lejl, iżda t-tniġġis tad-dawl mhux qed iħallihom biex itiru lejn l-orizzont.

Wara li l-frieħ tal-Garni jfaqqsu, il-ġenituri jieħdu ħsiebhom għal madwar xahrejn fil-bejta li normalment tkun fl-irdumijiet tal-gżejjer Maltin. Meta jaslu Ġunju jew Lulju, hekk kif il-ferħ ikun b’saħħtu biżżejjed iħalli l-bejta biex itir għal fuq il-baħar.

Xi wħud mill-frieħ jiġu attirati lejn id-dwal artifiċjali tal-kosta tagħna b’riżultat li minflok itiru għal fuq il-baħar, itiru lejn dawn id-dwal. Dan jista’ jwassal biex dawn l-għasafar jew jegħjew, inkella jaħbtu ma’ dak li jsibu quddiemhom. Meta jispiċċaw fuq l-art, jiġu f’riskju li jinqatlu mill-qtates jew il-klieb, inkella li jintlaqtu minn karozzi jew ibatu l-ġuħ u t-telf tal-ilma mill-ġisem.

BirdLife Malta qed iħeġġu lill-pubbliku biex jekk wieħed jara xi ferħ, għandu jimxi ma’ dawn il-linji gwida:

• Ċempel lil BirdLife Malta fuq 2134 7645/6 (ħinijiet tal-uffiċċju)/7925 5697 (filgħaxija u fil-weekends) jew lill-pulizija fuq 119 mill-ewwel;
• Ħu nota kemm jista’ jkun preċiża tal-post fejn tkun sibt l-għasfur;
• Ersaq viċin l-għasfur minn wara. Iġbru bl-għajnuna ta’ ċaruta nadifa jew xugaman, żommlu rasu u ara li l-ġwienaħ ikunu mitnija mal-bqija tal-ġisem;
• Poġġi l-għasfur f’kaxxa tal-kartun li minnha tgħaddi sew l-arja. Żomm il-kaxxa f’post fid-dlam u ’l bogħod mis-sħana;
• Jekk ikun possibbli agħti ilma frisk lill-għasfur f’kontenitur fond. Jekk il-kaxxa tkun wieqfa, ħalli l-kontenitur fejn l-għasfur ħalli jkun jista’ jixrob meta jrid. Tippruvax tisforza lill-għasfur jixrob;
• Tippruvax titma’ lill-għasfur.